L-eks Kap tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola sostna li mhux post l-AD li jqajjem diskussjoni dwar l-abort. Dan qalu f’ittra mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tal-partit Ralph Cassar, b’reazzjoni għal dak li qalet il-kandidata għal-MEP tal-AD Mina Tolu fuq Facebook fejn talbet għal dibattitu rispettuż dwar l-abort.

Cassola sostna li jaqbel ma’ Tolu li huwa xokkanti li taqra ċertu theddid u kummenti odjużi kontra min għandu opinjonijiet differenti u huwa favur l-abort. Minkejja dan insista, li l-Alternattiva Demokratika ma għandux iqajjem din id-diskussjoni, speċjalment minħabba li ma hemm l-ebda mandat demokratiku tal-membri tal-partit dwar dan.

Hu sostna li kien diġà ġibed l-attenzjoni tal-Kap kurrenti, Carmel Cacopardo f’Settembru tal-2017 meta kien ġie elett fil-kariga tiegħu. Sostna li meta mbagħad f’Novembru tal-2018 ġie aċċettat bħala kandidat għal MEP tal-AD, kien qal b’mod ċar li dan is-suġġett huwa wieħed mil-linji ħomor tiegħu.

Insista li dak iż-żmien Cacopardo kien tah l-assigurazzjoni tiegħu li l-partit ma jaqbilx mal-idea tal-legalizzazzjoni tal-abort. Qal li minkejja li d-dikjarazzjoni ta’ Mina kienet magħmula bl-aħjar intenzjonijiet, qed toħloq konfużjoni u ambigwità fost l-elettorat Malti. Hu tenna li huwa totalment kontra l-abort minbarra fil-każ li s-saħħa u l-ħajja tal-omm ikunu f’periklu.

Temm jgħid li qed jitlob lill-Alternattiva Demokratika joħroġ dikjarazzjoni immedjata fejn tiddisassoċja ruħha mill-fehmiet personali ta’ Tolu u tafferma b’mon ċar li hi kontra l-abort.

Fil-filmat tagħha, Tolu qalet li bosta politiċi, kandidati u partit jibżgħu jitkellmu fejn jidħol l-abort u s-saħħa riproduttiva. Insistiet li din hija frustranti u inaċċettabbli.

B’reazzjoni għal dan fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li l-pożizzjoni tagħha fuq l-abort baqgħet kontra. L-AD qalet li fl-istess waqt temen fil-bżonn ta’ dibattitu rispettuż li jixraq f’soċjetà demokratika bħal ma qalet Mina Tolu fil-kummenti tagħha.