Il-Gvern ikkonferma li għaddej xogħol sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-Animal Welfare fl-Għammieri. Dan qalu f’risposta għal numru ta’ mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt wara li ġie ppubblikat artiklu dwar allegati “kundizzjonijiet ħżiena” li fihom qed jinżammu l-klieb salvati mit-toroq.

Il-kelliem għall-Ministeru għall-Ambjent sostna li l-ambjent li fih jinżammu l-klieb fl-Għammieri huwa skont ir-regolamenti dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali, fejn il-klieb għandhom l-ispazju meħtieġ. Spjega li l-annimali kollha għandhom kenn biex jipproteġihom mill-elementi li jinkludi wkoll bedding u kennels. Il-kelliem irrimarka li x-xogħol ta’ titjib qed isir hekk kif l-Animal Welfare ġabret 698 kelb matul is-sena l-oħra, u sabet dar ġdida għal 500 minnhom.

Ġie sostnut li filwaqt li l-Gvern jilqa’ s-suġġerimenti tal-pubbliku biex ikomplu jittejbu s-servizzi u l-ħarsien tal-annimali, l-istqarrijiet li saru minn eks-voluntiera li jgħidu li l-klieb huma maħqurin jew maltrattati huma foloz u d-direttorat jiċħadhom b’mod kategoriku.

“Il-klieb jinħarġu għal mixja; jieħdu ħsiebhom 2 veterinarji”

Il-kelliem spjega kif il-klieb jinħarġu għall-mixja b’mod regolari mill-carers tal-Animal Welfare, mill-istudenti tal-MCAST u għadd ta’ voluntiera. Ġie spjegat ukoll li bħalissa hemm żewġ veterinarji kwalifikati li jieħdu ħsieb il-klieb b’mod mediku u fejn ikun hemm bżonn il-klieb jiġu riferuti l-isptar APH ltd għal trattament speċjalizzat.

Irrimarka li x-xogħol tal-Animal Welfare huwa wieħed delikat ħafna u mmirat li jtejjeb il-ħajja ta’ dawn l-annimali anka permezz tar-rehoming.

“Klieb f’kundizzjoni ħażina fl-Għammieri”; “Il-Ministeru jgħid li mhux veru”