Raġel ta’ 42 sena ġie estradit lejn Malta wara li ġie akkużat li wettaq żewġ serqiet.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-raġel li huwa mill-Maċedonja tressaq il-Qorti llum. Ġie akkużat li fl-10 ta’ Awwissu 2018 flimkien ma’ persuna oħra li għadha ma ġietx identifikata ikkommetta serq aggravat permezz tal-armi u bi vjolenza minn negozju fi Triq Dawret il-Gżejjer f’San Pawl il-Baħar.

Ġie akkużat ukoll li fit-12 ta’ Awwissu flimkien ma’ persuna oħra wettaq serqa oħra fi stabbiliment f’Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Ġie akkużat ukoll li ffalsifika dokument Bulgaru.

Wara li telaq minn Malta wara t-tieni serqa, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Ġie arrestat fil-Polonja fis-26 ta’ Diċembru 2018. Hu ġie estradit lejn Malta fil-15 ta’  Frar.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ma ngħatax il-libertà u baqa’ miżmum taħt l-arrest.