New housing units at Pope Francis Village in the Philippines

Aktar kmieni dan ix-xahar tqassmu 263 dar lill-familji li minħabba t-tifun Yolanda li kien laqat il-Filippini fl-2013 kellhom jitilqu minn djarhom. Dawn il-familji huma l-ewwel grupp ta’ residenti permanenti fil-Villaġġ Papa Franġisku.

Dan il-villaġġ inbena minn konsorzju msejjaħ “Żvilupp għall-Paċi” u li hu kompost minn Caritas Kanada, Caritas Filippini, id-djoċesi ta’ Palo, il-Kongegrazzjoni Redemptorist u l-Assoċjazzjoni tal-Foqra Urbani.

Żvilupp għall-Paċi

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Zenit, għaċ-ċerimonja tat-tqassim ta’ dawn id-djar kienu preżenti delegazzjoni mill-Kanada mmexxija mill-Isqof Noel Simard flimkien ma’ uffiċjali tal-Gvern u tal-Knisja.

L-Isqof Simard qal li dan l-avveniment kien “manifestazzjoni tat-tweġiba tal-Kanadiżi għat-tbatija li sofrew dawn in-nies fl-2013. Il-konsorzju Żvilupp u Paċi ma jistax ħlief iwieġeb bl-aħjar mod possibbli, minkejja l-ħafna diffikultajiet li kellu jiffaċċja bil-bini tal-Villaġġ Papa Franġisku.”

“Imma issa, quddiem dawn l-uċuħ ferħana tal-familji u tat-tfal fid-djar ġodda tagħhom, ma nistgħux ħlief inkunu sodisfatti li għamilna ħaġa sew li komplejna b’dan il-proġett,” żied jgħid l-Isqof Kanadiż.

Il-Knisja tkompli tgħin lill-vulnerabbli

Fr Edwin Gariguez mill-Caritas tal-Filippini sostna fuq l-impenn tal-Knisja li tkompli tgħin lill-vittmi tat-tifun Yolanda. “Il-mod kif irnexxielna norganizzaw lil dawk li salvaw mit-tifun u nimmobilizzaw ir-riżorsi kollha tagħna huma riflessjoni tal-impenn tagħna li ntejbu l-ħajja ta’ dawn in-nies vulnerabbli.”

Il-Villaġġ Papa Franġisku hu maħsub li jilqa’ fih 566 dar, sitt klassijiet, kappella, suq żgħir, impjant għat-trattament tal-ilma u faċilità għall-iskart.

Espressjoni ta’ solidarjetà

Jess Agustin, il-maniġer tal-proġett qal li l-villaġġ hu “mudell komunitarju integrat li jirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies. Il-ħidma tagħna biex noffru alternattiva bħalma hu l-Villaġġ Papa Franġisku, hu espressjoni ta’ solidarjetà u tama quddiem id-disprament, il-mibegħda u l-firda.”

Ix-xogħol fuq il-bini tal-Villaġġ Papa Franġisku mistenni jitlesta f’Ġunju li ġej.

Il-Caritas tal-Filippini ħabbret li barra s-sehem tagħha fil-bini ta’ dan il-villaġġ kienet diġà bniet aktar minn 30,000 dar żgħira oħra għall-dawk milquta mit-tifun Yolanda. Il-knisja, barra minn proġetti ta’ bini ta’ djar ħadmet ukoll fuq programmi oħra ta’ benefiċċju għall-komunità. “Il-Knisja tagħna mhux se tħalli n-nies weħidhom,” qal Fr Gariguez.