Omm li għamlet telefonata waqt il-programm Spalla ma’ Spalla fuq RTK 103FM irrakkuntat kif propju tmien xhur ilu tilfet lil binha minħabba li kkommetta suwiċidju. Il-programm kien qed jiddiskuti s-suġġett tad-dipressjoni flimkien mal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u l-Membru Parlamentari Mario Galea.

L-omm irrakkuntat kif binha li kien għadu jgħix magħha, kien bniedem ferrieħi u dejjem joħroġ ma’ sħabu. Qalet li kellu karriera u pożizzjoni għolja fuq il-post tax-xogħol. Sostniet li l-ikbar weġgħa għaliha hija li binha kien jgħix magħha u qatt ma ndunat. Qalet li hawn bosta persuni li jbatu fis-skiet ta’ darhom u insistiet dwar l-importanza li kulħadd jitkellem fuq id-dipressjoni u s-suwiċidju b’mod aktar miftuħ sabiex il-poplu jkun mgħarraf sew dwar x’għandu jagħmel.

“Il-Mulej għandu għal qalbu lil dawk l-aktar vulnerabbli” – Mons. Cremona

Min-naħa tiegħu, Mons. Cremona sostna li l-Mulej għandu għal qalbu lil dawn l-aktar vulnerabbli u insista li fil-mumenti diffiċli li dan ir-raġel kien għaddej minnhom, Alla kien qed ibati miegħu. Intant, Galea sostna li fil-passat, bosta kienu jaħsbu li jekk wieħed jitkellem dwar is-suwiċidju se jinkoraġġixxi persuni sabiex iwettqu suwiċidju, madanakollu r-realtà hija bil-kontra.

Galea semma wkoll li l-Knisja llum il-ġurnata ma għadhiex tgħid li s-suwiċidju huwa d-dnub. Dan ġie kkonfermat minn Mons. Cremona li spjega li l-Knisja biddlet fehmta u ndunat li biex wieħed jasal li jneħħi ħajtu b’idejh, irid ikun verament fi stat tant ħażin u mhux mentalment stabbli. Sostna li b’hekk il-Knisja ddeċidiet li tħalli f’idejn Alla sabiex jagħmel il-ġudizzju hu minflok ma jsir ġudizzju fuq din l-art.

“Jekk xi ħadd jiċċajta miegħek li se jagħmel suwiċidju ħudha bis-serjetà” – Galea

Galea sostna li jekk xi persuna tgħid li se tikkommetti suwiċidju, anke jekk b’ċajta, wieħed għandu jieħu dan il-kliem b’serjetà. Sostna li kien hemm każi fejn persuni ħasbu li dak li jkun kien qed jiċċajta magħhom, imbagħad ftit wara jirrealizzaw li kienu qed jitkellmu bis-serjetà. Qal li ħafna drabi jirrealizzaw meta jkun tard wisq. Semma wkoll kif hawn persuni li kienu ppruvaw iwettqu suwiċidju, fallew milli jagħmlu dan u llum qed jgħixu ħajjithom kuntenti.