Arkivji AFM

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 2,731 persuna mill-baħar fl-2018, b’total ta’ 88 ħidma ta’ salvataġġ. Din is-sena kienet l-iżjed sena li fiha ġew salvati nies mill-2013 ‘l hawn.

Dan qalu l-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Laburista Byron Camilleri.

Il-Ministru spjega kif is-sena 2018 kienet is-sena li fiha l-aktar li salvaw nies il-Forzi Armati ta’ Malta. Warajha, kien hemm is-sena 2013, meta f’76 ħidma ta’ salvataġġ, ġew salvati 1,854 persuna.

Mill-2013 s’issa, l-inqas sena li fiha ssalvaw nies mill-baħar kienet l-2014, meta l-Forzi Armati salvaw 602 persuna fi 34 ħidma ta’ salvataġġ. Is-sena 2019 għadha rat biss ħidma ta’ salvataġġ waħda b’persuna waħda biss salvata.

Sena Operazzjonijiet ta’ salvataġġ Total nies salvati
2013 76 1854
2014 34 602
2015 48 1273
2016 57 1251
2017 55 847
2018 88 2731
2019 (sal-11/02/19) 1 1

 

Hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari oħra ta’ Byron Camilleri, il-Ministru Farrugia qal li mill-2013 s’issa, l-ebda pulizija ma kien involut f’ħidma ta’ salvataġġ minħabba li dawn jitmexxew mill-Forzi Armati ta’ Malta.