Il-Ministeru għall-Edukazzjoni impjega 6 għalliema li kienu rtiraw bejn Settembru li għadda u Jannar.

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Clyde Puli.

Il-Ministru Bartolo speċifika li 5 għalliema rtirati li reġgħu ġew impjegati huma tal-Ingliż, filwaqt li għalliem ieħor huwa tad-Disinn u t-Teknoloġija.

Huwa żied jgħid li hemm 5 għalliema rtirati oħra li għalkemm mhumiex impjegati mal-Ministeru, ingħataw kuntratt għas-servizz. Dan il-kuntratt huwa ftehim li bih, persuna tobbliga ruħha li tagħti servizz bil-ħlas, u jista’ jsir anke bil-fomm, m’hemmx bżonn isir bil-kitba.