Għall-istudenti universitarji u dawk kollha li japprezzaw il-ktieb reġa’ wasal il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, 3 ijiem fl-Università ta’ Malta fejn tiġi ċċelebrata l-letteratura permezz ta’ attivitajiet varji mħejjija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università.

Minn barra minn Malta…

Din is-sena hija s-sitt edizzjoni tal-Festival li se jsir bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu. Kull sena, il-Festival ikollu mistieden speċjali barrani, li s-sena l-oħra kien il-kittieb Sloven Jasmin B. Frelih, rebbieħ tal-Premju Ewropew għal-Letteratura. Il-mistieden speċjali ta’ din is-sena huwa Prof. Rod Mengham, li hu awtur, lettur f’Cambridge, traduttur u kritiku letterarju. Il-pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ Prof. Mengham waqt il-Festival għaliex hu se jkun preżenti fil-jiem kollha, u se jipparteċipa fi 3 attivitajiet: diskussjoni dwar it-traduzzjoni l-Erbgħa fis-1pm, klabb tal-kotba mal-istudenti dwar l-aħħar ktieb tiegħu Grimspound and Inhabiting Art il-Ħamis fl-10am, u intervista mal-poeta Malti Antoine Cassar il-Ġimgħa fil-5.30pm.

U l-Maltin…

Il-kittieba lokali wkoll se jingħataw importanza, partikolarment b’2 attivitajiet: intervista minn studenta ma’ Prof. Oliver Friggieri nhar l-Erbgħa 28 ta’ Marzu fit-3pm, dwar tfulitu fil-Furjana, u intervista ta’ Prof. Adrian Grima mal-poeta Antoine Cassar, li rebaħ il-Premju Nazzjonali għall-Ktieb tal-2018 bl-aħħar pubblikazzjoni tiegħu, il-poema Erbgħin Jum.

Dwar il-Malti…

Għal dawk li jħobbu l-lingwa Maltija, l-attivitajiet ma jonqsux. L-Erbgħa fil-11am, Prof. Bernard Micallef u Dr Olvin Vella mid-Dipartiment tal-Malti se jdawru lill-pubbliku madwar il-Melitensia, biċċa mil-librerija tal-Università li normalment tkun magħluqa għall-pubbliku. Fl-istess ħin, Thomas Pace u Dr George Farrugia mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jkunu qed imexxu diskussjoni dwar Deċiżjonijiet 2, id-dokument li jindika kif għandu jinkiteb il-kliem missellef Ingliż bil-Malti. Il-Ħamis fil-11am, Chanelle Briffa mill-Arkivji Notarili se titkellem dwar xi jsir biex jiġi kkonservat manuskritt, b’informazzjoni interessanti dwar il-konservazzjoni tal-eqdem poeżija bil-Malti, il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru.

Dwar il-filosofija…

Il-filosofija wkoll qed tingħata importanza din is-sena, b’2 attivitajiet iddedikati lilha: taħdita mis-serje Filosofija bil-Malti tal-Għaqda tal-Malti mogħtija minn Prof. Joe Friggieri, u diskussjoni dwar post il-filosofija fid-dinja tal-lum. F’din id-diskussjoni jieħdu sehem Kurt Borg, Robert Farrugia Flores, Francois Zammit u jmexxiha l-lettur Dr Jean Paul De Lucca.

Dwar l-arti…

Il-Ġimgħa fil-11am, għal dawk li jħobbu l-films, se ssir diskussjoni dwar Camilla, l-istorja ta’ Clare Azzopardi li ġiet addattata għal film minn Stephanie Sant u Teodor Reljic. Fid-diskussjoni se jipparteċipaw ukoll Martin Bonnici minn Shadeena Productions u Dr Giselle Spiteri Miggiani li hija lettur tat-traduzzjoni awdjoviżwali.

Għal dawk li jħobbu l-fotografija, fis-2pm, il-fotografu Zvezdan Reljic se jiddiskuti l-ktieb tiegħu Wiċċna, li fih jiġbor ritratti suwed u bojod ta’ nies varji li joqogħdu f’Malta. Flimkien ma’ dawn hemm kitbiet b’lingwi differenti, fosthom ta’ Leanne Ellul bil-Malti, ta’ Walid Nabhan bl-Għarbi u ta’ Virginia Monteforte bit-Taljan.

Barra minn hekk, tul it-tlett ijiem tal-Festival, se jkun hemm wirja li turi l-ewwel taħżiża li eventwalment saret qoxra ta’ ktieb. L-artisti li se jkunu parti minn din l-esebizzjoni huma Jon Grech, Marisa Attard, Julinu, Steve Bonello, Steven Scicluna, Marco Scerri u Moira Scicluna Zahra.

Għall-istudenti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università kull sena qed jaraw kif jistgħu jtejbu l-Festival sabiex ikun aktar immirat lejn l-istudenti universitarji. Din is-sena, l-Għaqda tal-Malti qed tlaqqa’ l-għaqdiet studenteski varji permezz ta’ kwiżż fuq tagħrif ġenerali li se jsir fit-3 ijiem tal-Festival bir-rawnd finali l-Ġimgħa.

Trid tipparteċipa?

Bħalma sar is-sena li għaddiet, il-Festival se jtemm it-3 ijiem tiegħu bil-palk ħieles tradizzjonali ta’ Inizjamed, fejn il-pubbliku, hu min hu, hu mistieden li jmur fuq il-palk u jaqra, ikanta, jew idoqq xi kitba minn tiegħu, hi b’liema lingwa hi. Prof. Mengham se jkun il-mistieden speċjali ta’ dan il-palk ħieles. Wara, se jintemm kollox b’mużika live mill-grupp lokali The Busker.

L-Erbgħa 27 u l-Ħamis 28 ta’ Marzu, il-Festival se jkun miftuħ mid-9am sal-4pm. Il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu l-Festival se jkun miftuħ mid-9am sad-9pm.

Għal aktar tagħrif tista’ żżur l-attività fuq Facebook. 

Il-programm tal-attivitajiet tista’ tarah hawn.