Parti mid-delegazzjoni tal-Korea t'Isfel li żaret il-Korea ta' Fuq

Bl-iskop li jkunu stabbiliti relazzjonijiet ta’ fiduċja u jkunu mnedija diversi proġetti u kooperazzjoni f’diversi oqsma bħalma huma t-turiżmu, l-kultura, r-reliġjon, l-edukazzjoni, l-isport u l-arti u jkun hemm bdil ta’ studenti u edukaturi bejn iż-żewġ pajjiżi, delegazzjoni ta’ mexxejja reliġjużi, uffiċjali governattivi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili marru lejn il-Korea ta’ Fuq għal-laqgħat ma uffiċċjali minn dak il-pajjiż.

Iid-delegazzjoni hi magħmula minn madwar 250 persuna li waslu fil-Korea ta’ Fuq għal żjara ta’ jumejn. Fiha hemm mexxejja reliġjużi u rappreżentanti tan-nisa, żgħażagħ, komunitajiet agrikoli u oħrajn mill-qasam ekonomiku, ambjentali, mill-università u minn movimenti ta’ paċi.

Diversi laqgħat

Sorsi qrib il-Knisja Koreana kkonfermaw mal-aġenzija tal-aħbarijiet Kattolika FIDES li fid-delegazzjoni hemm l-Arċisqof Hyginus Kim Hee-joong, President tal-Konferenza Epsikopali tal-Korea u mexxejja oħra nvoluti fil-movimenti għar-Rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ Korei.

Dan hu l-ewwel avveniment tax-xorta tiegħu għal din is-sena u hu riżultat ta’ diversi laqgħat bejn membri tal-Gvern tal-Korea ta’ Fuq u l-Kunsill Korean għar-Rikonċiljazzjoni u Kooperazzjoni li hu attiv ħafna fil-Korea t’Isfel.

Rikonċiljazzjoni u Kooperazzjoni

Hu magħruf li l-Miniseru għall-Unifikazzjoni tal-Korea t’Isfel approva aktar minn 1,000 ta’ ċittadini tiegħu u ta permess biex daqstant ċittadini jkollhom kuntatti ma’ nies fil-Korea ta’ Fuq biex b’hekk mill-2017 ‘l hawn żdiedu l-kuntatti fl-isport, u l-oqsma kulturali u reliġjużi bejn iż-żewġ naħat.

Il-Kap tal-Knsill Korean għar-Rikonċiljazzjoni u l-Kooperazzjoni enfasizza l-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-proċess biex iż-żewġ pajjiżi jersqu lejn xulxin. Il-Kunsill jappoġġja politika l-politika ta’ rikonċiljazzjoni li kienet bdiet fis-sena 2000 mill-ex President tal-pajjiż, Kim Dae-jung.

Fl-2018 saru bosta laqgħat bejn nies mill-Korea ta’ Fuq u t’Isfel meta l-Presidenti taż-żewġ pajjiżi, ltaqgħu għal tliet darbiet f’April, Mejju u Settembru.