Bis-saħħa ta’ Drew, qed jgħixu seba’ persuni oħra. Dan qaluh il-ġenituri tiegħu, Sharon u Kenneth, waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, hekk kif bħalissa għaddejja l-kampanja Life after Drew. Din il-kampanja titratta l-ħajja ta’ din il-koppja wara l-mewt ta’ binhom kif ukoll il-ħajja ta’ dawk li rċevew l-organi ta’ Drew.

“L-iktar firma sodisfaċenti”

Irrakkuntaw kif kienu fuq btala fi Sqallija, meta ċemplulhom biex jinfurmawhom li binhom kien f’koma u kellu emoraġija f’moħħu. Sakemm waslu Malta s-sitwazzjoni kienet iggravat u binhom miet. Huma għażlu li Drew jibqa’ jgħix f’ħaddieħor u għalhekk missieru Kenneth, iffirma biex jagħti l-organi ta’ ibnu lil ħadieħor.

Kenneth qal li din kienet l-iktar firma diffiċli li għamel, “imma l-iktar waħda sodisfaċenti”.

“Hu u oħtu kienu qablu li jagħtu l-organi tagħhom”

Sharon, omm Drew, spjegat li meta kien għadu ħaj, binha kien iddiskuta ma’ oħtu dwar id-donazzjoni tal-organi, u qablu li jagħtu l-organi tagħhom jekk xi darba jiġrilhom xi ħaġa.

“Nieħdu pjaċir niltaqgħu ma’ dawk li għandhom l-organi ta’ Drew”

Kemm Sharon kif ukoll Kenneth saħqu li l-isptar huma stretti ħafna u ma jagħtux informazzjoni għand min imorru l-organi.  Fissru li huma jirrispettaw il-privatezza, iżda jieħdu pjaċir jekk dawn ikunu jixtiequ jiltaqgħu magħhom.  Permezz ta’ Facebook, Kenneth kien iltaqa’ mar-raġel tal-persuna li rċeviet il-qalb u għalih din il-laqgħa kienet kommoventi ħafna. B’kollox irnexxielhom ikollhom kuntatt ma’ żewġ persuni li rċevew l-organi ta’ binhom.

Trid terġa’ tapplika…

Dwar il-kampanja, il-ġenituri ta’ Drew saħqu li dan is-suġġett għandu jkun ta’ iktar għarfien, “għax għadu taboo”. Għan ieħor ta’ din il-kampanja hija li jkun hemm sapport għall-qraba ta’ dawk li tilfu lil xi ħadd f’ħajjithom u ddeċiedew li jagħtu l-organi tiegħu. Sharon qalet li ma jeżistix mekkaniżmu li jagħti dan is-sapport lill-qraba  wara li joħorġu mill-isptar.

Spjegaw li dawk li qabel irreġistraw biex ikunu donaturi jridu jerġgħu japplikaw għax issa hemm il-qafas legali, mhux biss b’mod volontarju. Dan ifisser li min jerġa’ jirreġistra jkun qed jiddeċiedi hu x’jixtieq li jagħmel u dik tkun id-deċiżjoni aħħarija.

Min jixtieq li jagħti l-organi tiegħu wara mewtu jista’ jiġbor formola miċ-ċentri tas-saħħa, miċ-ċentru tal-għoti tad-demm jew inkella mis-sit www.organdonation.gov.mt.