Ħafna qed jgħidu li Meghan Markle, id-Dukessa ta’ Sussex, m’għadhiex titkellem l-istess minn mindu żżewġet lill-Prinċep Harry. Din hi l-aħħar bidla fil-lista twila ta’ bidliet li għamlet Meghan f’ħajjitha wara li żżewġet: waqfet tirreċta, ma baqgħetx tuża l-midja soċjali… u issa, qed titkellem b’aċċent Ingliż?

L-esperti qed jgħidu li Markle donnha qed titkellem b’mod iżjed Brittaniku, pereżempju x-xahar li għadda, waqt żjara f’Birkenhead, Markle qalet lil dawk li attendew, “I do appreciate that,” li nstemgħet kemxejn Brittanika żżejjed għall-attriċi Amerikana, u mhux qisha frażi li s-soltu tuża Markle.

Prof. Marisa Brook, li tgħallem il-lingwistika fl-Università ta’ Toronto, qalet lill-BBC li taħseb li Markle qed tbiddel il-mod kif titkellem apposta, għax donnha żviluppat stil ġdid xħin tkellem lill-pubbliku Brittaniku. Brook ikkonkludiet li Markle jaqblilha tinstema’ Ingliża u aristokratika bħall-udjenza tagħha, sabiex tintogħġob aktar magħhom.

Prof. Jane Setter mill-Università ta’ Reading qalet ukoll li hija xi ħaġa normali li Markle tipprova taddatta għall-pajjiż il-ġdid tagħha, u kkummentat li hi bidla naturali li tiġri lil kull min imur joqgħod f’pajjiż ġdid, li bla ma jrid, jibda jitkellem xi ftit bħan-nies tal-lokal.

Barra minn dan, fl-irwol soċjali li għandha Markle, dan hu kważi mistenni minnha. Setter qalet li mhi tagħmel xejn ħażin sakemm ma tesaġerax u tibda tinstema’ qisha xi attriċi mis-serje popolari Ingliża EastEnders.

Is-soċjolingwista Dr Ella Jones mill-Università ta’ Essex qablet mal-oħrajn u qalet li dan hu mod kif Markle tindiehes aktar fis-soċjetà li saret tagħmel parti minnha.