L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ħarġet avviż ta’ twissija fuq 2 entitajiet, Black Stream Markets u Terabanq, li qed jgħidu li huma joperaw minn Malta b’liċenzja mogħtija lilhom mill-MFSA.

Black Stream Markets tgħid li toffri servizzi ta’ investiment f’Malta, filwaqt li Terabanq tgħid li toffri servizzi finanzjarji b’approvazzjoni tal-MFSA. L-MFSA ssottolineat il-fatt li dawn l-entitajiet mhumiex irregolati minnha, u għalhekk, il-pubbliku huwa mwissi dwar ir-riskji li jkollu x’jaqsam ma’ dawn iż-żewġ kumpaniji.

Skont l-MFSA, dawn iż-żewġ kumpaniji huma “skemi ta’ natura dubjuża b’riskju għoli ta’ telf ta’ flus” li qed jigdbu dwar l-indirizz tagħhom f’Malta u dwar il-liċenzja li qed jgħidu li ngħataw mill-MFSA.

L-MFSA insistiet li Black Stream Markets u Terabanq mhumiex liċenzjati u awtorizzati la Malta u lanqas barra minn Malta.