L-aktar użu komuni tal-internet għall-Maltin huwa għall-komunikazzjoni, b’95.8% jgħidu li jagħmlu użu tat-tip matul l-2018.

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi fost l-oħrajn kif 88.7% tal-poplu Malti juża l-internet għal raġunijiet ta’ divertiment, 87.2% sabiex jaċċessaw informazzjoni u 74.1% sabiex jagħmlu użu minn servizzi tas-saħħa onlajn.

Skont l-NSO, 94.3% tal-persuni li jagħmlu użu mill-internet, jagħmlu dan ta’ kuljum. Dawk li għandhom bejn is-16 u l-24 sena jidher li kollha għamlu użu mill-internet fl-2018, filwaqt li persuni li għandhom bejn 65 u 74 sena kienu l-inqas grupp li għamlu użu mill-internet (37.9%).

Matul l-2018, 279,305 persuna għamlu użu minn smartphone. Minn dan in-numru 140,996 persina kellhom xi tip ta’ software li jiggarantixxi s-sigurtà tal-mowbajl tagħhom.

X’jixtru l-iktar il-Maltin mill-internet?

L-istatistika turi kif il-ħwejjeġ huma l-aktar oġġetti li l-Maltin jixtru permezz tal-internet b’total ta’ 75.7%. Intant 61.8% jużaw l-internet sabiex jixtru akkommodazzjonijiet għall-vaganzi tagħhom u 54.2% jagħmlu arranġamenti oħrajn onlajn għall-ivvjaġġar.

L-użu tat-teknoloġija informatika fuq ix-xogħol

Is-survej juri kif 176,324 individwu għamlu użu minn informazzjoni jew teknoloġiji tal-komunikazzjoni onlajn waqt il-ħin tax-xogħol. L-iktar użu komuni f’dan il-qasam kien l-użu tal-imejls u anke databases.