Ġie mbassar li l-Gżejjer Maltin se jintlaqtu minn maltemp qawwi matul dawn il-jumejn, u llum tant beda nieżel silġ, li xi nies għamlu borrinu. Skont il-paġna ta’ Facebook Malta Weather il-gżejjer Maltin se jintlaqtu minn kesħa liema bħalha, li se tinħass daqs -3°C.

Skont il-paġna Malta Islands Weather, il-kesħa ħa tinħass iżjed minħabba r-riħ qawwi. L-istess paġna qalet li  se jkun hawn il-maltemp minħabba pressjoni baxxa intensa li se tersaq lejn iċ-ċentru tal-Mediterran. Din il-pressjoni baxxa se tintensifika iżjed malli tiġi f’kuntatt ma’ arja iżjed sħuna. Żiedet tgħid li s-sitwazzjoni se tibda tirkupra mit-Tnejn.

This slideshow requires JavaScript.

Il-paġna Malta Weather qalet li l-gżejjer Maltin se jintlaqtu minn riħ qawwi, xita u anke silġ. Żiedet tgħid ukoll li jaf ikun hawn maltempati bir-ragħad, speċjalment minn tard illejla, sa kmieni l-Ħadd. Żiedu jgħidu li qed jiġi mistenni riħ qawwi ta’ forza 9 mill-Grigal li ġej b’buffuri sa 100km/h hekk kif jifforma ċiklun tal-Mediterran lejn ix-Xlokk.

It-twissijiet ħarġu anke mill-paġna Malta Weather Alert, li qalet li r-riħ jaf jilħaq il-forza 10 matul tmiem il-ġimgħa. Ix-xita għall-Ħadd hija mbassra b’90% u huwa mbassar anke li jkun hawn is-siġ.  Il-paġna The  Weather Page Malta wissiet li l-mewġ anke mistenni jlaħħaq sa 7 metri. L-istess paġna qalet li s-servizz tal-Gozo Channel ħa jkollu juża n-naħa tal-Paradise Bay, waqt li l-Katamaran se jkun sospiż.

Anke s-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħarġet twissija ta’ maltempati bir-ragħad, bis-silġ u anke bil-buffuri.

Filmat ta’ Luke Zerafa.

Jekk għandek ritratti tal-maltemp, ibgħathom fuq news@newsbook.com.mt.