Luke Zerafa

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) wiegħed li se jtejjeb il-mezzi alternattivi tat-trasport sabiex tonqos il-problema tal-parkeġġ fl-Università, problema li ssemmiet mhux ħażin dan l-aħħar, wara li t-track bdiet tintuża għall-parkeġġ tal-istudenti, minħabba li ngħalqet biċċa minn parkeġġ ieħor għall-bini ta’ residenza għall-istudenti barranin.

Fi stqarrija, il-KSU ċaħad allegazzjonijiet li din is-soluzzjoni, tat-track bħala parkeġġ, hija permanenti. Għal dawn l-allegazzjonijiet, il-KSU rrefera lill-pubbliku għall-proġett tal-KSU New University Sports Complex, li fih €25 miljun se jiġu investiti biex ibiddlu ż-żona f’waħda aktar addattata għall-isport, bi track ikbar u grawnd tal-futbol aħjar.

Il-KSU tenna li l-użu tat-track bħala parkeġġ hija biss soluzzjoni temporanja li waslu għaliha KSU flimkien mal-Università, sakemm ma l-istudenti jibdew jidraw jużaw mezzi alternattivi tat-trasport.

Fl-istqarrija, ġew elenkati dawn il-mezzi li l-istudenti huma mħeġġa jagħmlu użu minnhom:

  1. Sistema ta’ park & ride minn Pembroke b’xejn permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport
  2. Servizz ta’ carpooling bl-ibbukkjar ta’ parkeġġ fil-parkeġġ numru 4
  3. Sussidji fuq roti, lezzjonijiet u xiri tal-muturi, fuq karozzi elettriċi
  4. Aktar spazji fejn jitqiegħdu r-roti u l-muturi

Il-President tal-KSU Carla Galea, f’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt ammettiet li din mhix l-aħjar deċiżjoni, iżda saħqet li kien hemm bżonn tittieħed deċiżjoni minħabba s-sitwazzjoni kurrenti. Kompliet tgħid li l-istat li jinsab fih il-grawnd ma tantx jagħti ġieħ lill-Università.

Filmat: Aġġornata: Il-President tal-KSU tiċċara għala ma saritx konsultazzjoni

Dan wara li l-atleti oġġezzjonaw għal din is-soluzzjoni, għax qalu li din is-soluzzjoni tisraqhom mill-wieħed mill-ftit spazji fejn jistgħu jiġru f’Malta.

Filmat: Anke jekk nara karozza ġejja nibqa’ niġri – atleta