DOI

Ir-rata ta’ każijiet ta’ ħasil tal-flus żdiedet bi 94% fl-2018. Dan hekk kif fl-2017 kien hemm 17-il każ, u fl-2018 kien hemm 33-il każ. Apparti minn hekk, kien hemm żieda f’cyber crime, iżda fl-istess ħin, ir-rata ta’ kriminalità in ġenerali naqset b’7%.

Dawn kienu n-numri li ġew ippubblikati fir-Rapport Annwali tal-Kriminalità għas-Sena 2018, li ġie ppreżentat mill-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa, flimkien mal-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia.

Frodi u ħasil tal-flus

Il-kategorija ta’ ħasil tal-flus kienet intużat għall-ewwel darba fl-2017.

Il-Professur iddettalja kif ir-reati mxew minn reati li għandhom x’jaqsmu mal-pubbliku lejn dawk personali, li jippuntaw iżjed lejn li għandhom x’jaqsmu ma finanzi.

Il-Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ukoll tkellem fuq il-ħasil tal-flus, hekk kif spjega li s-settur ta’ reati finanzjarji kellu sitt spetturi u supretendent wieħed sa sentejn u nofs ilu. Issa, hemm 13-il spettur, żewġ supretendenti, u assistent kummissarju iddelegati għal reati ta’ flus. Din is-sezzjoni tinqasam fi frodi u f’ħasil tal-flus, separatament.

Kriminalità fuq il-kompjuter

Il-kriminalità assoċċjata ma’ kompjuters ukoll żdiedet b’20%. Din tinkludi affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ passwords, aċċess mhux awtorizzat, u possessjoni t’informazzjoni mhux awtorizzata.

Il-Ministru spjega kif se jkompli jsir investiment fl-Economic Crime Unit, kif ukoll fis-settur tas-cyber crime unit.

Ir-rata ta’ kriminalità naqset – ir-rapport

Madankollu, ir-rata ta’ kriminalità naqset b’7% mis-sena 2017. Farrugia spjega li Malta żdiedet fil-popolazzjoni u żdied ukoll it-turiżmu; minħabba dan, kienet mistennija figura ta’ 21,600 vittma, iżda minflok kien hemm osservati 15,925 vittma.

Il-Professur Formosa qal li dan it-tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità hija l-inqas rata rrekordjata f’dawn l-aħħar 14-il sena.

Il-Kummissarju sostna li dan ir-riżultat jagħmel sens meta tqabblu mas-survey maħruġ mill-Eurobarometer, fejn ġie rraportat żieda ta’ 15% fir-rata ta’ fiduċja tal-Maltin fil-Korp tal-Pulizija. Din kienet l-ogħla żieda rrekordata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.