Il-Malti għandu għadd ta’ idjomi, qwiel u espressjonijiet marbutin mat-temp, li bosta minnhom sabu posthom fuq Facebook ilbieraħ, meta l-baħar kixef snienu! Hemm aħna, oħra. Imma din mhux bilfors għall-maltemp.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Professur Charles Briffa, li fakkarna fi ħrafa antika Maltija, li ġietu f’moħħu bit-temp li kellna fl-aħħar jumejn. Frar fawwar ifawwar il-bjar, magħruf għall-għargħar, u Marzu, Marzu Marzellu jaħraq il-bieb u r-rixtellu, bir-riħ. Minħabba l-għadd ta’ nies li jistkerrhu x-xita ta’ Frar, Frar talab lil kuġinuh Marzu biex jagħtih tlett ijiem minn tiegħu, u t-tlett ijiem imbagħad imliehom bil-maltemp. Prof. Briffa rrakkontalna kif l-aħħar jumejn donnhom ħadu minn din il-ħrafa, għax Frar tana maltemp u riħ b’qawwa ta’ riefnu.

Prof. Briffa fehemna wkoll xi qwiel marbutin mar-riħ:

  • Ir-riħ imexxi l-bastimenti imma hu jgħarraqhom
  • Mill-ksieħ u r-riħ jiġu l-għelejjel
  • Irfigħ ir-riħ kaċċa fil-qiegħ
  • Meta l-baħar iħerraq, ir-riħ isfel jitfaċċa

Il-paġna Kelma Kelma ma naqsitx milli tipprovdi tagħrif dwar il-lingwa. Pereżempju l-kelma “burraxka.” Kemm-il darba ngħidu li aħna “għaddejjin minn burraxka”? Imma ftit minna jafu li t-tifsira oriġinali tal-kelma “burraxka” hija temp ħażin jew maltempata. Minn hemm, ħadet it-tieni tifsira tagħha, biex saret tfisser ukoll żmien ta’ inkwiet.

Ilbieraħ kienu ħafna l-ħut li ħassewhom barra mill-ilma… imma din id-darba fis-sens litterali, meta l-kosta tax-Xemxija mtliet bil-ħut li sab ruħu f’nofs tat-triq minħabba l-mewġ qalil.

Iċ-ċajt, bħal dejjem, ma naqasx.

Awrat. Fhimtha?!