Is-Surmast Joseph Vella, kif nafuh aħna, din is-sena  jagħlaq  sena minn mewtu li ħasditu bla ma xejn kien mistenni fil-25 ta’ Frar 2018. Kien għadu kemm għalaq   48 sena Surmast Direttur tal-Banda Cittadina La Stella.

Fl-okkażjoni tal-40 anniversarju, niftakar li kien ikkompona  biċċa xogħol ħelwa li huwa semma Ludus Tonalis u li l-Banda daqqet matul kunċert fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria. Is-Surmast Vella twieled fil-Victoria, tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-Knisja ta’ Savina fid-9 ta’ Jannar 1942 u studja f’St Michael’s Training College fejn aktar tard kien ukoll wieħed mill-għalliema (lili għallimni l-mużika bejn is-snin 1967-1969 fil-kors tat-taħriġ għall-għalliema).

Kien missieru Ganni Vella li nissel fih l-ewwel xrara ta’ mħabba lejn il-kamp mużikali u qatt ma ħares lura. Missieru kien Surmast tal-Banda La Stella u konna wkoll insibuh fil-knejjes tagħna jidderieġi l-orkestra waqt il-festi titulari tagħna.  Joseph Vella baqa’ miexi ‘l quddiem u studja l-kompożizzjoni ma’  Franco Donadoni u d-direzzjoni ma’ Franco Ferrara.

Kompla japprofondixxi l-istudji mużikali tiegħu fl-Universita’ ta’ Durham fir-Renju Unit mnejn kiseb l-B.Mus. Fl-1994 inħatar  Associate Professor  fl-Universita ta’ Malta.  Għamel żmien  bħala l-Prinċipal tal-iskola tal-Mużika Johann Strauss tal-Belt Valletta. Sa mill-1970 insibuh  Direttur Mużikali tat-Tejatru Astra u matul dawn is-snin idderieġa għadd ta’ Opri bħal ngħidu aħna  Rigoletto, Lucia di Lamermoor, Aida, Nabucco, Macbeth, Turandot, Forza del Destino, Tovatore,Traviata, La Gioconda u xogħlijiet oħra prestiġġjużi. Jieħu ħsieb ukoll il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat Malta fejn għandu wkoll ir-residenza tiegħu u kien l-ewwel surmast residenti  tal-Orkestra Nazzjonali.

F’Ottubru tal-2008 il-Professur Vella kien mistieden mill-Konservatorju  Luigi Boccgherini ta’ Lucca fl-Italja biex jattendi u jipparteċipa fl-Incontri con i Compositori Contemporanei u kien mistieden ukoll jieħu sehem f’kunċert speċjali  ad unur Giacomo Puccini fejn daqq waħda mill-kompożizzjonijiet tiegħu għal Kwintett u Pjanu Riflessioni su un Tema di Stravinsky op. 107.

Fl-2009 dan il-Kompożitur u Direttur Għawdxi kien fost għadd ta’ kompożituri internazzjonali li kitbu biċċa mużika speċifika biex tindaqq waqt kunċert kommemorattiv b’tifkira tal-Papa Gwanni Pawlu t-Tieni organizzat mill-‘Conservatorio di Musica  Vincenzo Bellini’ ta’ Palermo.  Fl-2007, il-Muniċipalita’  ta’ Mazzara del  Vallo ta’ Trapani tagħtu l-“Premio alla Carriera” bħala rikonoxximent għas-sehem mużikali tiegħu fix-xena internazzjonali.

Xogħlijiet ta’ dan is-Surmast indaqqu f’bosta nħawi tad-dinja fosthom fil-Canada, fil-Gappun, Spanja, l-Italja, l-Irlanda, l-Italja, il-Germanja u oħrajn. Għandu ħafna għal qalbu l-mużika antika ta’ Malta u għamel ħafna tiftix fl-arkivji biex jagħtiha l-ħajja mill-ġdid.  Ħafna mll-kompożizzjonijiet tiegħu jinsabu wkoll fuq CD’s u ftit jiem biss qabel ma miet,  irregala ħafna mix-xogħlijiet tiegħu lill-Mużew tal-Parroċċa ta’ San Gorġ, il-Ħaġar.

Kien qed jaħdem ukoll fuq Opra li sfortunatament ma kellux jaraha lesta billi fuqu ġiet il-mewt għal għarrieda l-Ħadd filgħaxija 25 ta’ Frar ‘18 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Iżda opra oħra tiegħu, (BO-BEEP – a little little opera for children Op 8)  din id-darba għat-tfal, li huwa kiteb fl-1968, se tiġi ppreżentata mill-Classique Foundation taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Debrincat il-Ħamis 31 ta’ Ottubru 2019 għat-tfal tal-iskejjel bis-sapport tal-Ministeru għal Għawdex u bis-sehem tal-iScola  Cantorum Jubilate Childrens’s Choir, erba’ solisti (tfal) u orkestrina.

Bla dubju l-gżejjer tagħna tilfu kompożitur u direttur ta’ fama internazzjonali li sa jibqa’ mfakkar matul is-snin b’mod speċjali minn dawk li jkunu preżenti f’Għawdex matul il-ġimgħa tal-festa ta’ San Gorg fil-belt Victoria meta x-xogħlijiet tiegħu kemm fil-knisja kif ukoll fit-toroq jkun qed ipaxxu lil kulħadd bl-armonija u s-sbuħija tagħhom.

Qrib id-data ta’ dan l-ewwel Anniverarju fil-Ġonna Pubbliċi ta’ Villa Rundle Victoria sa jinkixef  bust f’ġieh il-Mro Vella mhux bogħod minn fejn bust ieħor ta’ Surmast ċelebri ieħor , Mro Gius Giardina Vella u b’hekk donnha qed tivverifika r-ruħha l-ħolma tas-Sur Pawlu Mizzi Fundatur tal-Klabb Kotba Maltin, li dan il-Ġnien Pubbliku bilmod jibda jimtela b’persunaġġi Għawdxin li għamlu ġieh lil dawn il-gżejjer.  Il-Pawlini wkoll tar-Rabat Malta se jfakkru lil dan is-surmast billi għal medda ta’ erbgħin sena kien jidderieġi lill-Banda Konti Ruġġieru.

Kav Joe M Attard

Victoria, Għawdex

F’Jum il-Mewt ta’ Mro Joseph Vella25 ta’ Frar 2018: