F’għeluq is-sena mill-mewt ħesrem tal-Prof. Mro Joseph Vella li ġrat fil-25 ta’ Frar 2018, u f’għeluq is-sitt sena mill-ftuħ tal-mużew ‘Il-Ħaġar – Heart of Gozo’ il-Fondazzjoni Belt Victoria imbarkat fuq għadd ta’ attivitajiet.

Dr Maria Frendo tat taħdita ferm interessanti ntitolata ‘Joseph Vella: A Man for all Seasons’ quddiem pubbliku ferm numeruż  f’waħda mis-swali tal-Mużew Il-Ħaġar nhar il-Gimgħa 22 ta’ Frar fis-7.30pm, fejn wara nfetħet ukoll wirja bl-isem ta’ ‘Joseph Vella and the Maltese Language: Pioneer and Leader’ li fiha wieħed jista’ jara għadd ta poeżiji  Maltin ta’ awturi magħrufa li ġew immużikati mill-Mro Vella, fosthom , ‘Il-Barri’ u ‘Innu lil Għawdex’ tal-poeta Għawdxi Gorg Pisani, kif ukoll ‘Il-Kebbies tal-Fanali’ ta’ poeta Għawdxi ieħor Anton Buttiġieg ex-President ta’ Malta.

Patri Marjanu Vella  u l-Kan. Joe Mejlak wkoll ġibdu l-attenzjoni tal-Mro li darba   fost l-oħrajn  hu wkoll kien kiteb xi versi u mmużikahom. L-għada s-Sibt kor Ingliż minn Liverpool fir-Renju Unit, The Liverpool Cathedral Choir, kompost minn għadd ta’ tfal flimkien ma’ xi adulti, taħt id-direzzjoni ta’ Lee Ward, ta’ kunċert ta’ mużika ta’ diversi kompożituri magħrufa fosthom John Rutter, G.F.Handel, Henry Purcell, William Byrd u oħrajn (ara ritratt). 

Is-Sibt filgħaxija, fl-Aula Mgr Giuseppe Farruġia fi ħdan il-Kumpless tal-Bażilika ta’ San Gorġ, sar kunċert ieħor, din id-darba b’xogħlijiet tal-Prof Mro Joseph Vella bis-sehem tal-Kor tal-Parroċċa Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Mro di Cappella l-Kan Dun Gorg Frendo u bil-parteċipazzjoni tas-solisti Miriam Cauchi, Simon Abdilla, Mario Galea, u Francis Camilleri u Maria Frendo.

Matul il-quddiesa tal-Ħadd filgħodu minn Monsinjur Joseph Farrugia, fundatur u kuratur tal-Mużew Il-Ħaġar, ħa sehem il-Kor Laudate Pueri li kanta wkoll xi wħud mill-kompożizzjonijiet ta’ Mro Vella.

Biex il-Mro Vella u xogħlijietu ma jintesewx, nhar is-Sibt filgħodu 9 ta’ Marzu, il-Banda La Stella ser tagħmel marċ mill-każin tagħha sa Villa Rundle fejn il-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana sa tikxef  bust f’ġieħu  fil-Ġonna Pubbliċi ta’ Villa Rundle, xogħol l-iskultur Malti mir-Rabat Joe Scerri li xi żmien ilu kien għamel bust ieħor f’ġieħ Mro Giuseppe Giardini Vella li wkoll idderieġa l-Banda La Stella għal għadd ta’ snin u li llum jinsab wkoll fl-istess Ġnien Pubbliku tant imfittex mill-Għawdxin, Maltin u barranin għal mistrieħ tagħhom.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex