L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Kardinal ta’ Chicago Blase Cupich, li organizzaw is-summit riċenti dwar l-abbuż sesswali mill-kleru, saħqu li l-Vatikan għandu jibda jagħti r-raġunijiet għat-tneħħija ta’ uffiċjali għolja tal-Knisja Kattolika.

F’intervista man-National Catholic Reporter, l-Arċisqof u l-Kardinal indikaw li għandhom jiġu aġġornati l-proċeduri li fassal il-Papa Franġisku fl-2016 biex jagħti bidu għat-tneħħija ta’ isqfijiet li nstabu ħatja f’każi ta’ abbuż sesswali. Saħqu li dan bil-għan li l-proċeduri jkunu iktar trasparenti.

Esprimew ukoll it-tama, li l-involviment tat-12-il mara waqt is-summit dwar il-protezzjoni tal-minuri, joħloq preċedent għall-parteċipazzjoni dejjem tikber ta’ nisa f’laqgħat futuri fil-Vatikan, inklużi fis-sinodi tal-isqfijiet.

Agħfas hawn għal rapport dettaljat