Filwaqt li qalet li l-ekonomija Maltija hija soda, il-Kummissjoni Ewropea (KE) qajmet tħassib dwar nuqqas fl-infurzar ta’ kontra l-ħasil tal-flus f’Malta.

Fir-rapport dwar Malta għall-2019, il-KE qalet li hekk kif l-ekonomija ta’ Malta qed tibqa’ tikber, l-akbar sfida hi biex jiġi assigurat li l-iżvilupp ikun sostenibbli fit-tul. Intqal li fl-aħħar snin, Malta rat żieda kbira fil-prodott gross domestiku (GDP), tkabbir qawwi fl-impjieg, surplus fil-baġit, u settur tas-servizzi li sejjer sew.

Ir-rapport jgħid li Malta tistrieħ fuq setturi tas-servizzi li huma vulnerabbli għal prattiċi ta’ ħasil tal-flus. Aktar minn hekk, investigazzjonijiet reċenti b’rabta mal-ħasil tal-flus urew “nuqqasijiet serji” fil-qafas tal-infurzar Malti. Ftit li xejn ikun hemm sanzjonijiet.

Instab li filwaqt li Malta qed tagħmel titjib, id-daqs tal-isfidi jirrikjedi standards għoljin ta’ superviżjoni ta’ kontra l-ħasil tal-flus u infurzar aħjar.

X’inhuma r-riskji li qed taffaċċja Malta?

Ir-riskji għall-futur tat-tkabbir f’Malta jinkludu infrastructure bottlenecks, pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, livelli baxxi ta’ ħiliet, popolazzjoni li qed tikber, u vulnerabilità fil-qafas tal-governanza. It-tkabbir ekonomiku kompla jikber b’pass qawwi, bit-tkabbir tal-GDP fl-2018 ikun stmat għal 6.2%.

Settur bankarju sod – KE

Il-KE qalet li s-settur bankarju għadu sod imma nuqqasijiet fl-infurzar ta’ kontra l-ħasil tal-flus jġibu magħhom riskji tar-reputazzjoni.

Skont il-KE, il-progress li għamlet Malta dwar ir-rakkomandazzonijiet tal-2018 kien “limitat”. Intqal li kien hemm progress limitat fil-qafas tal-governanza u li ttieħdu xi passi biex ikun hemm aktar superviżjoni finanzjarja u infurzar ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Madanakollu ntqal li għad hemm nuqqasijiet. Fi kliem il-KE, l-isforzi biex jiġi assigurat li s-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet huma sostenibbli kienu limitati.

Dwar il-progress lejn il-miri nazzjonali taħt l-istrateġija Ewropea tal-2020, intqal li Malta laħqet il-miri tagħha fuq l-impjieg u l-edukazzjoni terzjarja u jidher li se tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija renovabbli. Intqal li hemm bżonn li jsir aktar biex jonqos il-faqar u jonqos in-numru ta’ dawk li joħorġu mis-sistema edukattiva kmieni.

Instab li r-rata tal-impjieg f’Malta kienet għola mill-medja tal-Unjoni Ewropea u li r-rata tal-qagħad kienet baxxa. Mill-banda l-oħra ġie rrappurtat li Malta qed taffaċċja sfidi dwar l-opportunitajiet indaqs. Intqal ukoll li d-distakk fl-impjieg bejn il-ġeneri u d-distakk tal-pagi bejn il-ġeneri qed jikber.

Fi kliem il-KE, l-assigurazzjoni ta’ standards għola ta’ superviżjoni ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-infurzar innifsu għadhom sfida.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.

‘Konferma li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta huwa b’saħħtu u sostenibbli’ – Il-Gvern

F’reazzjoni għar-rapport maħruġ mill-Kumissjonni Ewropea l-Gvern stqarr li r-rapport huwa konferma li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta huwa b’saħħtu u sostenibbli. Fi stqarrija l-Gvern qal li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ukoll li d-dejn nazzjonali ta’ Malta naqqas f’perjodu ta’ żmien qasir u medju.

Il-Gvern stqarr ukoll li huwa jinsab konxju tal-isfidi li għandha quddiema Malta, li rriżultaw mit-tkabbir ekonomiku. Saħaq li se jibqa’ kkonċentrat biex jindirizza l-isfidi filwaqt li jagħmel dan mingħajr ma jipperikola t-tkabbir ekonomiku. Temm jgħid li jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu li jimplimenta l-punti ewlenin li ħarġu mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja.