Id-Direttur għall-Ewropa tal-għaqda internazzjonali Junior Chamber International (JCI) qal li f’diversi pajjiżi qed issir aktar diffiċli għall-għaqdiet biex ikunu attivi minħabba li mhux qed jitħallew jaħdmu fil-libertà.

Fürst, li huwa mill-Ġermanja, qal ma’ Newsbook.com.mt li jemmen li llum il-ġurnata l-għaqdiet non-governattivi għandhom bżonn jaħdmu biex isaħħu s-soċjetà ċivili u jindirizzaw il-kwistjonijiet li d-dinja tkun qed taffaċċja.

Spjega li ġieli jkun diffiċli biex għaqda tattira n-nies u biex dawn jistinkaw fuq proġetti li mhumiex parti mix-xogħol ta’ kuljum tagħhom.

“Għandna bżonn soċjetà ċivili b’saħħitha”

Mistoqsi dwar jekk jemminx li l-għaqdiet għandhomx post fis-soċetà llum il-ġurnata,  Fürst qal li huma relevanti aktar minn qatt qabel. “Għandna bżonn soċjetà ċivili b’saħħitha. Għandna bżonn nies u ċittadini attivi li jimpurthom minn dak li qed jiġri fid-dinja,” qal Fürst.

Fürst spjega li fl-Ewropa l-għaqda JCI nediet il-kampanja bl-isem ta’ Step Up For Europe bl-għan li jimmotivaw liż-żgħażagħ biex jaqbżu għad-drittijiet tagħhom u jieħdu sehem f’dibatti politiċi. Żied jgħid li ż-żgħażagħ m’għandhomx iħallu lil nies ta’ età akbar jieħdu d-deċiżjonijiet kollha bid-detriment li jispiċċaw bla vuċi.

F’Malta permezz tal-proġett Step Up For Europe – Make it Count!, imniedi minn JCI Malta, se jsir speed networking ma’ kandidati tal-Parlament Ewropew, kompetizzjoni, u anke viżti fl-iskejjel.