Il-frotta tal-banana hija l-verżjoni naturali tal-ħelu. Minħabba li l-banana hija frotta ħelwa, tista’ tagħmel anke bosta deżerti biha li jkunu aktar sustanzjużi minn dawk magħmulin biz-zokkor. Minħabba l-popolarità tagħha, skont l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikultura fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda, il-banana hija l-aktar frotta friska esportata madwar id-dinja.

Minkejja li hija frotta popolari, hemm ħafna li jevitaw li jikluha minħabba li għandha livell għoli ta’ karbojdrati u zokkor meta kkumparata ma’ frott ieħor. Madanakollu, il-ġisem għandu bżonn il-karbojdrati biex jiffunzjona sew, filwaqt li z-zokkor li fiha l-banana huwa mimli vitamini u minerali.

Il-banana ġeneralment fiha 105 kaloriji, gramma ta’ proteina, inqas minn gramma ta’ xaħam, 26 gramma karbojdrati u 3 grammi fibra, u 14-il gramma zokkor. Il-banana fija wkoll 422 milligramma ta’ potassju li skont l-Istituti Nazzjonali għas-Saħħa fl-Istati Uniti hija 12% tal-ammont ta’ minerali li wieħed għandu jikkonsfa f’ġurnata.

Il-banana hija wkoll tajba għall-imsaren hekk kif il-fibra li fiha tgħin il-batterja t-tajba fl-imsaren tibqa’ f’saħħitha. Minħabba l-potassju li fiha, il-banana tgħin ukoll sabiex tnaqqas ir-riskju li jtik attakk tal-qalb jekk ikollok il-pressjoni baxxa. Din il-frotta hija wkoll sustanzjuża minħabba li fiha l-vitamina B6. Din hija improtanti ħafna speċjalment għal nisa tqal hekk kif tgħin ħafna fl-iżvilupp tal-moħħ waqt it-tqala.

Din il-frotta tgħin ukoll sabiex iżomm il-kliewi f’saħħithom. Skont studju li sar fl-Iżvezja fuq 61,000 mara instab li dawk li l-aktar li jieklu frott u ħaxix bħala ikliet prinċipali kienu fl-inqas riskju li jiżviluppalhom kanċer fil-kliewi. Meta ħarsu lejn il-frott, sabu li l-aktar effett b’saħħtu kien fuq dawk in-nisa li kienu jieklu l-frotta tal-banana.