Philip Gruppetta ħareġ rebbieħ fil-finali tal-Masters tat-Ten Pin Bowling wara li għeleb liċ-Champion Nazzjonali Mauro Anastasi.

Din kienet l-ewwel darba li Gruppetta rebaħ din il-kompetizzjoni u rnexxielu jasal sal-finali wara wirjiet konvinċenti fil-fażi tal-gruppi kontra Melissa Swift u Kenneth Arpa. Fil-grupp l-ieħor, Anastasi għeleb lil Rankin Camilleri u lil Neil Sullivan sabiex kiseb post fil-finali.

Fl-iktar sfida mistennija tal-kompetizzjoni, Anastasi kellu bidu kemmxejn negattiv filwaqt li Gruppetta wettaq tliet ‘strikes’ konsekuttivi. Anastasi pprova jnaqqas id-distakk li nħoloq bejnu u bejn Gruppetta iżda ż-żagħżugħ ta’ 23 sena baqa’ fuq quddiem biex rebaħ il-finali bl-iskor ta’ 251-174.