Ritratt: Mill-Paġna ta' Facebook ta' Revolut

L-app ta’ Revolut reġgħet ġiet lura għan-normal wara xi sigħat mhux taħdem. Newsbook.com.mt staqsa lil Dimitris Litsikakis, il-Maniġer għall-Greċja, Ċipru u Malta, dwar jekk hemmx xi problemi u iktar kmieni kien qalilna li kien hemm xi diffikultajiet tekniċi bil-ħaddiema tal-bank jinsabu jaħdmu fuqhom. Dawn il-problemi jidher li ġew solvuti, b’Revolut tikteb fuq Twitter dwar dan.

Jirriżenja s-CFO ta’ Revolut; l-app f’Malta mhix taħdem

L-Uffiċjal Kap tal-Finanzi (CFO) ta’ Revolut fir-Renju Unit, Peter O’Higgins irreżenja wara li l-bank diġitali qajjem dubji li seta’ kien hemm każijiet ta’ ħasil ta’ flus fl-istess bank. Il-bank sostna li r-riżenja ta’ O’Higgins ma għandiex x’taqsam mat-tħassib li qam dwar il-bank u s-sistemi ta’ moniteraġġ tiegħu.

Is-sena l-oħra, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri kien ħabbar fi Tweet li l-bank mistenni jitwaqqaf Malta matul id-DELTA Summit.

AQRA: Aqsam il-kont ma’ sħabek permezz ta’ Revolut

Newsbook.com.mt staqsa lil Dimitris Litsikakis, il-Maniġer għall-Greċja, Ċipru u Malta, jekk it-tħassib li qam dwar il-possibilità ta’ ħasil ta’ flus fir-Renju Unit kienux qed jaffettwaw dak li għandhom kont mal-bank f’Malta hekk kif diversi nies kienu qed iħeġġu oħrajn joħorġu flushom mill-bank. Dwar is-sitwazzjoni fir-Renju Unit, Litsikakis irrefera għall-istqarrija tal-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Revolut Nik Storonsky. Storonsky saħaq li l-artiklu li deher fil-ġurnal Ingliż kien qed jirreferi għall-proġett biex jitjiebu s-sistemi bankarji tagħhom. Saħaq li dawn is-sistemi kienu qed jiġu mnedija fl-istess ħin li s-sistemi antiki għadhom fis-seħħ. Saħaq li l-bank eżamina kull tranżazzjoni suspettuża li saret mill-kontijiet ta’ Revolut u ġie kkonfermat li ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni li kellha tiġi mwaqqfa. Spjega wkoll li Revolut qatt ma nfurmat lill-Awtorità Finanzjarja Ingliża dwar il-każ. Huwa sostna li waqt li qed jibdlu s-sistemi fl-ebda mument ma jaħseb li l-bank naqas milli jżommu mal-liġijiet u r-regolamenti dwar is-sanzjonijiet.

“Diffikultajiet tekniċi, qed naħdmu fuqhom” – Dwar l-app f’Malta

Dwar l-app li mhix taħdem f’Malta. Litsikakis sostna li dan kien minħabba diffikultajiet tekniċi u li l-inġiniera tagħhom jinsabu jaħdmu biex l-app tiġi lura għan-normal. Dan tħabbar ukoll fuq it-Twitter ta’ Revolut.

Il-ġurnal Ingliż Telegraph, irrapporta li qamu diversi mistoqsijiet dwar l-abbilità tal-bank li jwaqqaf tranżazzjonijiet suspettużi. Id-dettalji li dan irreżenja ħarġu wara l-għada li ġie rrappurtat li l-bord ta’ Revolut beda inkjesta interna dwar nuqqasijiet fis-sistema tal-montineraġġ tas-sanzjonijiet mill-bank.

Fi stqarrija Peter O’Higgins sostna li huwa kien kburi ħafna dwar il-progress li sar fil-bank iżda hekk kif il-bank beda jikber u jsir globali jħoss li wasal iż-żmien li tmexxiha tgħaddi għand persuna li għanda esperjenza fuq bażi globali. Saħaq li jinsab kburi ħafna b’dak li l-hu u t-tim tiegħu rnexxillhom jiksbu flimkien għall-kumpanija.

Kien whistleblower li kien għamel kuntatt mal-bord tal-bank jinfurmawhom li s-sistema li twaqqaf tranżazzjonijiet suspettużi kien mitfija għal xhur sħaħ is-sena l-oħra. Dokumenti li rat it-Telegraph juru li jaf kemm hemm eluf ta’ tranżazzjonijiet illegali li għaddew mis-sistemi tal-bank bejn Lulju u Settembru tas-sena li għaddiet.

Il-bank kien iddeċida li jwaqqaf is-sistema li twaqqaf tranżazzjonijiet suspettużi milli jsiru wara li l-klijenti kienu rrabjaw meta iktar minn 8,000 tranżazzjoni leġitima kienu ġew imwaqfa b’mod awtomatiku. Il-bank kien addotta sistema ta’ moniteraġġ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi wara li dawn ikunu saru.

Il-Kap Legali tal-bank Tom Hambrett kien kiteb ittra lill-Awtorità Finanzjarja Ingliża f’Settembru biex jinfurmawhom iżda din qatt ma intbgħatet.