Dr Peter Agius, kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, saħaq li huwa ta’ tħassib kbir kif is-Soċjalisti Ewropej inkludew b’mod mistur referenzi għall-abort, f’dokument li qed iwiegħdu li se jkun il-pjan ta’ azzjoni tagħhom għall-ħames snin li ġejjin fil-Parlament Ewropew.

X’jaħseb il-Prim Ministru?

Il-programm tas-Soċjalisti Ewropej, li magħhom imsieħeb il-Partit Laburista, jgħid li kulħadd għandu d-dritt li jiddeċiedi x’jagħmel b’ġismu. Din il-frażi hija ġeneralment użata minn persuni favur l-abort biex jiġġustifikaw l-abort.

Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat ha sehem fil-laqgħa tas-Soċjalisti Ewropej li matulha approvaw dan il-programm. Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet biex jara jekk il-Prim Ministru Malti jaqbilx ma’ din il-pożizzjoni tas-Soċjalisti Ewropej.

Is-Soċjalisti bi proposta ta’ tħassib – Agius

Dr Agius saħaq li dan huwa ta’ tħassib għalih u għal ħafna Maltin li għandhom għal qalbhom id-dritt fundamentali tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem mill-konċepiment. Stqarr li dan juri wkoll li s-Soċjalisti Ewropej qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità li hemm fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea, li jħalli dawn il-kwistjonijiet f’idejn l-Istati Membri.

Irrimarka li l-iktar ta’ tħassib “huwa l-fatt li għandna Partit Laburista f’saħħtu li hu parti mis-Soċjalisti Ewropej, iżda li jidher li m’għandu l-ebda saħħa biex jibdel dan”.

Temm jgħid li jekk Malta trid tħalli effett fuq l-Ewropa, hemm bżonn ħidma mill-Partit Nazzjonalista u fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew.