Il-kandidat Laburista għall-elezzjoni Ewropea Alex Agius Saliba qal li l-liġijiet tal-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea huma “falliment”. Huwa qal dan waqt li tkellem f’attività politika organizzata minnu għall-kampanja elettorali. Fisser kif l-għodod legali bħar-Regolament ta’ Dublin li m’għadhomx jagħmlu sens għaż-żminijiet tal-lum u saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar ħidma interna biex l-Unjoni Ewropea tiġġedded u tlaħħaq mar-realtajiet tal-lum biex ittaffi dan il-piż.

Fil-pjazza tas-Siġġiewi huwa qal li l-elezzjonijiet Ewropej huma kruċjali għaliex fil-fehma tiegħu, “il-Maltin imdejqa bl-Ewroparlamentari Nazzjonalisti li kontinwament ħadmu b’mod orkestrat u b’attakki kkordinati kontra Malta biex jaghmlu l-akbar ammont ta’ ħsara possibbli b’mod inġust”.

Fl-attività tkellem ukoll id-deputat Laburista Dr Robert Abela, qal li fil-ħidma tiegħu Agius Saliba huwa xempju ta’ kemm il-Partit Laburista mhuwiex ibbazat biss fuq suċċess ekonomiku, imma wkoll fuq il-prinċipji u l-valuri sodi. Dr Abela tenna li f’Alex jara ħames prinċipji importanti li jiddistingwuh f’ħidmietu, dawk tal-mobbilità soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, l-għaqda u fuq kollox prinċipju li ftit jissemma, dak tal-onestà.