Il-kandidat għal Ewroparlamentari Alfred Sant sostna li l-biedja ta’ Malta naqset bin-nofs kawża tar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

F’konferenza dwar il-futur ta’ Malta fl-Ewropa li saret fil-Qawra, Sant qal li għandu jipproteġi l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin li jeħtieġu l-għajnuna biex jimmodernizzaw il-ħidma tagħjom. Sostna li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ħalliet lill-bdiewa u r-raħħala qed jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta. Irrimarka li l-bdiewa u r-raħħala jiħtiġilhom l-inkoraġġiment tal-Gvern biex il-prodoti tagħhom ikunu aktar aċċessibbli fis-suq lokali.

Sant kompla jgħid li hemm bżonn li niżguraw li Malta jkollha vuċi waħda fil-Parlament Ewropew li tħares is-sovranità tal-pajjiż. Insista li l-MEPs Maltin għandhom jiddefendu l-flessibilità fil-politika tat-tassazzjoni ta’ kull stat membru tal-Unjoni Ewropea u jiżguraw li l-proposti għaċ-ċentralizzazzjoni tal-politika taż-żona ewro ma jkunux ta’ detriment għal Malta.