Miljuni ta’ Ewropej qed iħossuhom maqtugħa mill-Istituzzjonijiet Ewropej. Dan qalu Alfred Sant lil studenti Universitarji, waqt laqgħa informali ma’ JEF MALTA.

Sant qal li waħda mill-kaġuni ta’ għaliex dawn iħossuhom maqtugħin hija li ħafna MEPs huma maqtugħin mill-ħajja ta’ kuljum u mit-tħassib tal-kostitwenti tagħhom. Saħaq li ħafna kandidati Ewropej jintagħżlu mill-partiti tagħhom biex jikkontestaw għall-elezzjonijiet Ewropej u dawn imbagħad jintgħażlu f’sekwenza u jiġu eletti skond kemm il-partit jikseb siġġijiet. Dr Sant spjega kif f’Malta u fl-Irlanda biss l-MEPs jiġu eletti direttament mill-elettorat.

L-istudenti Universitarji wrew ix-xewqa tagħhom għal iżjed responsabilità demokratika fl-Istituzzjonijiet Ewropej. Żiedu jgħidu li jixtiequ li l-President tal-Kummissjoni Ewropea jkun elett direttament miċ-ċittadini Ewropej.