Il-Partit Ungeriż Fidesz ta’ Viktor Orban qed jirriskja li jitkeċċa mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) wara li fl-Ungerija beda b’kampanja kontra Brussell u l-istituzzjonijiet Ewropej.

Dan qed iwassal għal iktar diżgwid ftit qabel l-elezzjonijiet għall-istess Parlament bil-kap tal-grupp tal-Partit Popolari Ewroew (PPE) Manfred Weber bħalissa għaddej bil-kampanja tiegħu bħala l-kandidat ewlieni tal-PPE għall-elezzjonijiet Ewropej bit-tama li jsir il-President tal-Kummissjoni Ewropea jekk il-partit tiegħu jġib l-aktar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

Manfred Weber qal li l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban iridi jiskuża ruħu tal-kummenti fil-konfront tal Parlament u tal-Kummissjoni u talab li jitneħħew billboards u posters li ttellgħu fl-Ungerija fil-konfront ta’ Brussell.

Il-Partit ta’ Orban, Fidesz, qed jirriskja li jiġi sospiż mill-PPE, f’laqgħa li mistennija ssir fl-20 ta’ Marzu li ġej. Diversi partiti fil-PPE talbu li tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Fidesz fil-partit tagħhom.

Uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista Malti, li huwa membru sħiħ fil-PPE kien ikkwotat jgħid mal-Politico li l-PN għandu aktar ċans li jivvota kontra Fidesz jekk jitressaq vot dwaru aktar tard dan ix-xahar.