Il-lista ta’ stennija biex persuni jinqdew fl-isptar f’Malta hija fost l-isfidi elenkati mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar rapport estensiv dwar Malta. Ir-rapport ta’ 60 paġna jiġi ppreparat kull sena mill-Kummissjoni u jingħata lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jaraw l-iżviluppi ekonomiċi tal-pajjiżi membri.

Dwar il-lista ta’ stennija, il-Kummissjoni tgħid li f’Malta l-istennija fl-2018 kienet twila medja ta’ 278 ġurnata. Tgħid li din żdiedet minn 250 ġurnata reġistrata fl-2016.

Il-Kummissjoni tinnota l-pjanijiet tal-Gvern li jżid il-kapaċità tal-kura tas-saħħa fl-isptar pubbliku u tgħid li dan jista’ jwassal biex tittaffa’ l-problema tal-ħinijiet ta’ stennija. Dan filwaqt li tirrakkomanda miżuri oħra biex fost l-oħrajn jitnaqqsu r-referenzi bla bżonn lill-ispeċjalisti u l-użu tad-dipartiment tal-emerġenza u koordinazzjoni aħjar tal-kura fl-isptar. Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li azzjoni permezz ta’ din it-taħlita fil-politika tal-Gvern għall-kura tas-saħħa “tista’ tgħin b’mod effettiv biex jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-kura speċjalizzata u ttejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tas-saħħa”.

Mir-rapport joħroġ ukoll li matul is-sena 2017 kienu biss 0.4% tal-populazzjoni li rrappurtaw li ma nqdewx fi bżonnijiet ta’ kura medika provduta mill-Istat paragunat mal-medja tal-Unjoni Ewropea li kienet ta’ 2.9%.

Jirriżulta wkoll li matul is-sena 2017 aktar minn tliet kwarti tal-populazzjoni Maltija rrappurtaw li jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba li hu ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea reġistrata bħala 68%.

Fi stqarrija, l-Gvern qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fil-jiem li għaddew jikkonferma l-livell tajjeb ta’ saħħa f’Malta. Il-Gvern qal ukoll li l-poplu Malti u Għawdxi jikklassifika fl-ogħla postijiet fl-Unjoni Ewropea għal tul ta’ ħajja. Fil-fatt sas-sena 2016 il-medja li jgħixu l-Maltin u l-Għawdxin kienet ta’ aktar minn 82 sena. Fl-aħħar ħames snin l-età telgħet bi ftit inqas minn sentejn.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima sodisfazzjon kbir għal dan ir-rapport li fi kliemu jikkonferma l-pożizzjoni għolja li kiseb pajjiżna fil-qasam tas-saħħa.

Il-Gvern qal li minkejja l-isforzi kontinwi għall-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja sana u biex tonqos l-inċidenza ta’ mard kroniku, Malta għadha tirreġistra rati għoljin ta’ obeżità fost l-adulti u t-tfal.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ hawnhekk: