Norman Lowell, il-kap tal-partit tal-lemin estrem Imperium Europa, se jerġa’ jikkontesta fl-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju li ġej.

Fi stqarrija ntqal li Imperium Europa ġie uffiċjalment approvat bħala partit politiku għall-elezzjonijiet li se jsiru fil-25 ta’ Mejju li ġej. Qalu wkoll li dan seħħ 19-il sena mit-twaqqif tiegħu. Lowell, li huwa l-fundatur tal-partit huwa woll il-kap tal-istess partit.

Il-kampanja tiegħu qed jibbażaha fuq il-motto: “Il-vuċi tiegħek fi Brussell – l-unika kandidat li jagħmel dak li jgħid”.

B’tibdil kostituzzjonali li kien sar f’Marzu 2014, persuni li jissottomettu n-nomina tagħhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u jingħataw sentenza sospiża ta’ priġunerija mill-Qorti, xorta waħda jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni.

AQRA: Engerer u Lowell xorta jistgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet

Fil-fatt, Lowell kien ikkontesta fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew li saret fl-2014. F’dik l-elezzjoni Lowell kien ġab 6,200 vot fl-ewwel għadd.

AQRA: 15-il kandidat jitfgħu n-nomina fl-ewwel jum