OPR

Panto fid-dlam ċappa li tpoġġi lill-udjenza fiż-żarbun ta’ persuna għamja kif ukoll proġett teatrali ma’ nisa maqbuda f’ċirkustanzi ta’ sfruttament huma wħud mill-benefiċjarji tal-edizzjoni tal-2018 tal-Premju tal-President għall-Kreattività.

Fost il-proġetti l-oħra li ntagħżlu għal dan il-premju hemm ukoll il-kreazzjoni ta’ filmati minn persuni b’diżabilità, proġett li jgħaqqad ħames nanniet ma’ għaxar żgħażagħ biex flimkien jaqsmu stejjer, u rappreżentazzjonijiet minn persuni b’diżabilità.

Għaxar proġetti se jirċievu madwar €62,000 fl-edizzjoni tal-2018 tal-Premju tal-President għall-Kreattività, fond b’element soċjali u komunitarju qawwi. Il-benefiċjarji tħabbru matul ċerimonja ta’ premjazzjoni li saret fil-Palazz ta’ San Anton.

Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa marbut mal-implimentazzjoni tal-miri tal-kunsill hekk kif imfassla fl-Istrateġija CREATE 2020, b’enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet biex in-nies jinvolvu ruħhom aktar fil-ħajja kreattiva.

“Bħalissa għaddejjin ukoll bi proġett ta’ riċerka biex nevalwaw  il-ġid li ħareġ minn dan il-premju, bil-ħidma sfiqa ta’ kull min kien involut fl-iżvilupp tal-premju, b’enfasi partikolari fuq dawn l-aħħar tliet snin”, qalet id-Direttriċi Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi.

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet dan il-premju bħala tlaqqigħa ta’ kreattività, innovazzjoni, kultura, u ħeġġa għas-solidarjetà, għas-sapport u għall-inklużjoni. Hija tenniet li permezz ta’ dawn il-proġetti fil-qasam soċjali, “qegħdin naraw li l-kultura qed tkun il-mezz biex nedukaw, biex nagħtu vuċi, u biex nagħtu d-dinjità lil kull wieħed u waħda minna jixirqilna, speċjalment lil dawk fostna li forsi s-soċjetà mhux qed tarahom biżżejjed”. Il-President Coleiro Preca awgurat li dan il-proġett jibqa’ għaddej fis-snin li ġejjin, sabiex jibqa’ jkun sors ta’ empowerment u reżiljenza.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “dan il-premju għen organizzazzjonijiet jitnisslu, jikbru, u jissaħħu; ħaddan id-dedikazzjoni ma taqtax ta’ dawn l-istess organizzazzjonijiet; u akkumpanjahom fl-iżvilupp ta’ prattiċi etiċi u professjonali.  Dan, dejjem b’għarfien tal-importanza li nwessgħu l-parteċipazzjoni kulturali, b’determinazzjoni li – permezz tal-arti u l-kreattività nkattru l-għarfien, id-djalogu, is-solidarjetà, l-involviment attiv, u l-ġid fil-komunità. Illejla dan il-premju, fl-ogħla livell tal-Istat, qed jinvesti ‘l fuq minn €60,000 oħra fi proġetti kreattivi mal-komunità u qed jgħin għaxar proġetti ġodda jieħdu l-ħajja”.

Min-naħa tagħha, Therese Comodini Cachia, il-Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Kultura, qalet li premju bħalma huwa il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa wieħed xieraq għaliex mhux biss jirrikonoxxi il-kreattività tal-artisti involuti, iżda wkoll jinkoraġġixxi aktar libertà f’dik il-kreattività u jinkoraġġixxi wkoll aktar parteċipazzjoni minn gruppi jew oqsma fis-soċjetà tagħna li jħossuhom jew ikunu mwarrba.