13-il għaqda mhux governattiva Maltija qalet li bħalissa dwar il-kwistjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex għad hemm ħafna mistoqijiet imċajprin peress li ma ngħatawx biżżejjed informazzjoni.

L-NGOs li kellhom konferenza stampa quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta dalgħodu qalu li m’hemm xejn li juri li l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-mina se jkun sostenibbli.

Il-proposta kurrenti għall-mina hija li l-mina tkun twila 13-il kilometru u jkollha 2 karreġġjati, waħda sejra għal kull naħa. Din il-proposta toħloq mistoqijiet dwar jekk il-problema tat-traffiku hix se tiġi kkontrollata peress li b’dan il-mod, xejn mhu se jkun inbidel mit-triq għaċ-Ċirkewwa ta’ bħalissa, li fiha l-Għawdxin jiltaqgħu ma’ ħafna traffiku, skont ma qalet Julia Camilleri, Għawdxija, lil Newsbook.com.mt.

Camilleri qalet ukoll li bħala Għawdxija, tixtieq tkun taf jekk il-ħlas bil-mina hux se jkun aħjar jew hux se jkun agħar mis-sistema li hemm bħalissa. Riedet tkun taf ukoll kif se jiġi affettwat Għawdex fit-tul.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Prof. Alex Torpiano, li huwa l-President tal-NGO Din l-Art Ħelwa. Prof. Torpiano qal li l-NGOs mhumiex qegħdin jgħidu humiex favur jew kontra l-mina, imma qed jgħidu li jeħtieġu iżjed informazzjoni qabel ma jieħdu deċiżjoni.

Huwa qal li kien ta’ “xokk” għall-NGOs meta Franco Mercieca, id-direttur tal-proġett tal-mina, qal li d-dibattitu fuq is-suġġett hu magħluq, peress li huma, u l-pubbliku b’mod ġenerali, għadhom ma ngħatawx biżżejjed dettalji fuq il-proġett. Prof. Torpiano qal li għad hemm wisq kontradizzjonijiet fuq dan il-proġett. Jeħtieġ li jsir magħruf jekk il-problema għall-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex hix se tittaffa jew jekk dan kollu hux se jkun għalxejn.

Prof. Torpiano qal li hu mhuwiex favur referendum dwar dan is-suġġett għax iħoss li din mhijiex kwistjoni ta’ iva jew le, iżda hija iżjed kumplikata minn hekk.