Kite Group ippubblikaw ktieb ġdid din id-darba b’riflessjonijiet tal-kap tal-istat Malti, il-President Marie-Louise Coleiro Preca li waslet biex ittemm il-kariga bħala l-iżgħar President ta’ Malta.

X’sawwar lill-President tul it-tfulija tagħha? Kif għenitha l-familja fil-ħidma politika? X’edukazzjoni kisbet tul is-snin? X’ħidma wettqet fil-ħajja politika? Xi xtaqet taħdem fuqu aktar?

Dawn u aktar riflessjonijiet huma inklużi fil-ktieb bijografiku ġdid li jitratta l-esperjenzi tal-ħajja ta’ Marie-Louise Coleiro Preca mit-tfulija sal-Presidenza. Il-ktieb jismu Riflessjonijiet tal-President u fih hija titkellem dwar suġġetti jaħarqu fosthom it-taqlib politiku f’pajjiżna u l-effetti tiegħu. Dħul minn dan il-ktieb se jmur għal The Malta Community Chest Fund Foundation.

Coleiro Preca tiftaħ qalbha dwar il-ħajja tagħha, il-ħidma li wettqet u anki dak li riedet twettaq aktar. Il-President tirrifletti dwar dak li sawwarha tul is-snin, fil-familja, fl-edukazzjoni, fil-politika u bħala President u kif dan kollu influwenzaha fid-diversi karigi li okkupat.

Hi tirrakonta kif meta saret omm għażlet li tieqaf mill-attiviżmu politiku iżda imbagħad meta daħlet lura fil-politika, il-fatt li kienet omm, it-trobbija u s-sensittività u d-drittijiet tat-tfal saru parti mill-aġenda politika tagħha li żammithom fuq quddiem tal-ħidma tagħha anki bħala President.

Il-ktieb huwa ibbażat fuq sensiela ta’ konversazzjonijiet fit-tul li fihom il-President fetħet qalbha ma’ Jesmond Saliba, li minn naħa tiegħu jwassal ir-riflessjonijiet tagħha dwar id-diversi stadji ta’ ħajjitha fi ktieb miktub għal kulħadd.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca se tkun qed tiltaqa’ mal-pubbliku u tiffirma kopji tal-kotba nhar il-Sibt 23 ta’ Marzu fil-11.00am fil-Palazz il-Belt u l-għada l-Ħadd 24 ta’ Marzu fil-Banca Giuratale Għawdex fl-10.00am. Il-ktieb, f’edizzjoni paperback jew hardback jista’ jinxtara minn fuq https://www.kitegroup.com.mt/product/presidenthb/ jew waqt il-book signing.