L-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-Insara biex mhux biss jgħidu t-talba tar-rużarju u jkollhom xbieha tal-Madonna fi djarhom f’dan ir-Randan, imma biex jimxu fuq l-eżempju tagħha u jitgħallmu minnha kif jaffaċċjaw il-problemi tal-ħajja.

Dan qalu lbieraħ waqt l-omelija tal-quddiesa li segwiet pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies bl-istatwa devozzjonali tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Dan il-pellegrinaġġ immarka l-ewwel Ħadd tar-Randan.

Huwa u jindirizza lill-ġemgħa li nġabret għall-quddiesa, l-Arċisqof innota li donnha din kienet it-tieni festa taż-Żabbarin tant kemm in-nies marret bi ħġarha għall-pellegrinaġġ.

“Ilqgħu lil Marija f’darkom fi żmien ir-Randan” – l-Isqfijiet

L-Arċisqof, hu u jidwi l-ittra pastorali miktuba minnu u ż-żewġ isqfijiet oħra u moqrija fil-quddies fi tmiem il-ġimgħa, appella liż-Żabbarin biex lill-Madonna jdaħħluha f’darhom mhux biss bit-talb u b’xi xbieha, imma anke billi jużawha bħala eżempju fuqiex jimxu biex jaffaċċjaw il-problemi li taf toffri l-ħajja.

Mons. Scicluna fakkar li l-Madonna qatt ma tiġi waħedha, imma dejjem ikollha lill-Bambin fi ħdanha. L-Arċisqof kompla jgħid li mhux ta’ b’xejn li l-Madonna tissejjaħ il-Madonna tal-Grazzja, għax kull fejn ikun hemm hi, taqla’ l-grazzji, bil-preżenza ta’ Ġesù li ġġorr magħha.