L-MEP Laburista Alfred Sant qal li hemm il-ħtieġa li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Parlament Ewropew ikunu ta’ benefiċċju għal Għawdex daqskemm ikunu ta’ benefiċċju għall-pajjiżi l-kbar tal-Unjoni Ewropea. Skontu, jeħtieġ li tingħata importanza lill-ambjent u liż-żgħażagħ Għawdxin.

F’konferenza li indirizza fil-Grand Hotel fl-Imġarr Għawdex, Sant, li hu kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, tkellem fuq il-futur t’Għawdex fl-Ewropa u insista fuq il-bżonn li kull opportunità ta’ ġid għal Għawdex tissarraf biex jinħoloq dan il-ġid.

Huwa rrrefera għat-talba tal-Gvern Malti lill-Kummissjoni Ewropea biex isir rapport dwar l-istat ta’ Għawdex invista tal-baġit Ewropew.

Alfred Sant qal li Għawdex ma tqiesx bħala reġjun meta l-Gvern Malti nnegozja sħubija fl-UE, peress li Għawdex ingħata 10% tal-fondi li l-Gvern Malti jirċievi mill-Ewropa għall-pajjiż kollu kemm hu. Skontu, Għawdex kien jixraqlu jieħu aktar minn hekk peress li t-territorju Għawdxi jammonta għal 27% ta’ dak tal-gżira ta’ Malta, il-kosta Għawdxija hija 31% ta’ dik ta’ Malta u ż-żona agrarja 36%.