Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May reġgħet tilfet vot dwar il-ftehim tagħha dwar Brexit.

Il-ftehim ta’ May tilef bi 391 vot kontra 242, maġġoranza ta’ 149. May qalet lill-Membri Parlamentari li se jkun hemm dibattitu għada dwar jekk ir-Renju Unit għandux jitlaq mill-Unjoni Ewropea bla ftehim.

May qalet li l-Unjoni Ewropea se jkollha bżonn tkun taf x’benefiċċju se toffri estenzjoni ta’ Brexit.

Aktar kmieni….

May bl-aħħar attentat sabiex issalva l-ftehim

Theresa May qed tagħmel l-aħħar attentat tagħha sabiex issalva l-ftehim dwar Brexit qabel il-vot li se jittieħed mill-Parlament Ingliż illejla.

Il-BBC qed jirrapporta kif il-Prim Ministru Ingliża ħeġġet lill-Membri Parlamentari sabiex jappoġġjaw il-ftehim tagħha li sostniet huwa “aħjar” minn dak ta’ qablu jew inkella jidħlu f’riskju li Brexit iseħħ mingħajr ftehim. Madanakollu, għad hemm bosta li qed jopponu dan il-ftehim. Huma qed jgħidu li l-assigurazzjonijiet legali assigurati mill-Prim Ministru mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu lill-Ingilterra milli tibqa’ marbuta permanentament mill-Unjoni Ewropea.

Bill Cash, membru importanti tal-European Research Grupp qal li fid-dawl tal-analiżi legali li għamlu huma ma jirrakkomandawx li l-Membri Parlamentari għandhom jaċċettaw il-mozzjoni tal-Gvern Ingliż illum. Intant, jidher li hemm konfużjoni hekk kif iċ-Ċermen tal-European Research Grupp, Jacob Rees-Mogg għadu ma ddeċidiex kif se jkun qed jivvota, filwaqt li d-Democratic Unionist Party jidher li mhux sodisfatt bil-progress li sar s’issa.

“Vot inkwetanti” – PN

F’reazzjoni għall-vot ta’ Brexit, il-Partit Nazzjonalista sostna li d-deċiżjoni hija waħda inkwetanti. Sostna li l-vot ta’ għada se jagħti l-opportunità sabiex jiddeċiedu jekk l-Ingilterra hux se titlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.