Komunità Kattolika żgħira b'fidi qawwija

Il-Knisja Kattolika fil-Kyrgyzstan ilha preżenti għal dawn l-aħħar 150 sena, imma għaddiet minn bidliet kbar wara li għal ħafna snin, persegwitata mir-reġim Komunista kellha tkompli bil-moħbi.

L-Amministratur Apostoliku ta’ dan il-pajjiż, Mons. Anthony Corcoran, Ġiżwita minn Texas, f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qal li fil-bidu l-komunità kattolika kienet magħmula minn Ġermaniżi, Pollakki u Ukreni li kienu jgħixu fil-pajjiż u minkejja l-persekuzzjoni komunista “il-fidi nżammet ħajja”.

Kristu twieled fqir

“Niftakar li meta wasalt f’dan il-pajjiż, staqsejt lin-nies x’kienet tfisser għalihom il-fidi. Tawni risposti differenti, sempliċi, kienu jafu l-affarijiet importanti dwar Kristu, li twieled fqir u għamel ħafna mirakli. Kienu jħobbu ħafna jagħmlu s-sinjal tas-Salib.

“Kważi kollha qaluli li tkun Kattolika kienu juri rabta mal-familja, mal-fidi tan-nanniet, iżda kważi ħadd minnhom ma kien ra qassis qabel.  Illum nippruvaw li nakkumpanjawhom spiritwalment, pastoralment u anke bis-Sagramenti”, spjega l-Amministratur Apostoliku.

Dan il-legat ta’ fidi li jgħaddi min ġenerazzjoni għall-oħra, ried jiffaċċja l-fenomenu ta’ emigrazzjoni qawwija wara li sfaxxa r-reġim komunista.  “Bejn l-1990 u l-2000, ħafna Kattoliċi telqu mill-pajjiż. Iżda n-neputijiet baqgħu hawn: bħalissa għandna bejn 600 u 1,500 Kattoliku mferrxa mal-pajjiż kollu”, qal Mons. Corcoran.

Ma jafux bil-Knisja Kattolika

Minħabba n-numru żgħir ta’ nsara, aktarx li l-maġġoranza tan-nies tal-Kyrgyzstan anqas jafu bil-Knisja Kattolika.  Ħafna jassoċjawha mad-deportati tal-Ġermanja tant li jsejħulha “Il-Knisja Ġermaniża”.  Imma dawk li jafu l-Knisja Kattolika jirrispettawha ħafna għax jorbtuha mal-ħniena għax ħafna snin ilu, waqt il-gwerra ċivili, l-Kattoliċi kienu għenu ħafna nies irrispettivament mit-twemmin tagħhom u għadhom iħobbuhom minħabba f’hekk.

Illum il-Kyrgyzstan hu pajjiż żgħir b’popolazzjoni ta’ madwar 6 miljun persuna.  Minn dawn kważi 89% huma Musulmani, 10% huma Ortodossi u l-insara huma minorita żgħir ħafna. “Minkejja dan aħna naħdmu fil-libertà għax fil-pajjiż hawn ħafna tolleranza”.

“Naturalment ħafna jiddependi mill-mentalità tan-nies: hawn min hu miftuħ ħafna u lest jilqa’ lill-oħrajn, imbagħad hemm dawk li huma inqas tolleranti.  Din in-naħa tad-dinja baqgħet impressjonata ħafna biż-żjara li l-Papa Franġisku għamel fl-Emirati Għarab Magħquda li kienet rappurtata ħafna fil-media u uriet ir-rispett kbir tal-Knisja Kattolika lejn l-Islam”, qal Mons. Corcoran.

Bħalissa, fil-Kyrgyzstan kollu hemm tliet parroċċi Kattoliċi, waħda f’Bishkek, f’Jalal-Aba u f’Talas, u huma numru ta’ komunitajiet żgħar fiż-żoni rurali tal-pajjiż. Il-Kattoliċi għandhom l-għajuna spiritwali ta’ seba’ qassisin, patri u ħames sorijiet Franġiskani.