Wara li omm tkellmet ma’ Newsbook.com.mt dwar bintha li se jkollha tinżel Malta minn Għawdex sabiex tagħmel l-eżami orali tal-Għarbi, kelliem għall-MATSEC sostna li dan l-eżami huwa biss eċċezzjoni u mhux in-norma.

“Se jniżżluha Malta għal kwarta eżami”

L-omm irrakkuntat kif l-eżamijiet kollha tal-O-levels u l-A-levels qed isiru Għawdex sabiex ma jiskomodawx lill-istudenti Għawdxin milli jkollhom jagħmlu perjodu twil jivvjaġġaw bejn iż-żewġ gżejjer. Madanakollu, sostniet kif minkejja li fil-passat l-eżami orali tal-Għarbi kien isir f’Għawdex, din is-sena, l-istudenti Għawdxin tal-lingwa Għarbija se jkollhom jinżlu jagħmlu l-eżami orali tagħhom Malta.

L-omm sostniet li minkejja li issa l-eżamijiet qed isiru b’xejn sabiex jonqsu l-ispejjeż tal-ġenituri, xorta se jispiċċaw jidħlu fi spiża sabiex binthom tkun tista’ tagħmel l-eżami tagħha.

“Din hija eċċezzjoni u mhux in-norma”

Dwar dan, Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lid-Direttur tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-MATSEC, Pierre Cassar. Cassar sostna li kemm l-Università ta’ Malta, kif ukoll il-MATSEC jagħmlu kull sforz sabiex studenti Għawdxin ikunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Għawdex stess. Spjega kif din is-sena hemm żewġ eżamijiet biss li mhux se jsiru Għawdex huma dak tal-Għarbi (l-orali) u l-eżami tal-prattika tal-Edukazzjoni Fiżika. Sostna li dan minħabba raġunijiet loġistiċi.

Mistoqsi dwar x’jiġri jekk ikun hemm xi każ estrem li student ma jkollux kontroll fuqu, Cassar spjega li jekk per eżempju l-vapur ma jaħdimx minħabba l-maltemp, il-MATSEC tieħu dan il-fattur in konsiderazzjoni sabiex tikkunsidra tagħmel arranġamenti alternattivi għal dawk l-istudenti milquta.