Tifla bla dar tidher quddiem borġ ġebel qrib il-post tal-kenn tagħha f’ al-Asha’ari fil-Lvant ta’ Ghouta (Ritratt: EPA/Mohammed Badra/MaxPPP)

Il-ġimgħa li għaddiet il-Kardinal Luis Antonio Tagle tal-Filippini li hu wkoll il-Presidnet ta’ Caritas Internationalis, akkumpanjat minn xi Isqfijiet Sirjani żar ir-reġjun ta’ Ghouta, barra minn Damasku fejn ra dak li hu sejjaħ “tbatija li ma titfissirx”.

“F’kull wiċċ li ltqajna miegħu, speċjalment dawk tat-tfal kellu espressjoni konfuża”, qal il-Patrijarka Ignace Joseph III Younan”, f’kumment li ta lil Catholic News Service.

Din iż-żjara kienet parti mis-sessjoni annwali tal-Kunsill tal-Kapijiet tal-Knejjes Kattoliċi fis-Sirja. Il-Patrijarka żied jgħid li ħassew dwejjaq kbar meta raw it-tifrik kbir li hemm fir-reġjun li għal żmien twil kien maħkum minn Musulmani radikali tal-ISIS.

Impatt qawwi

Jidher li din iż-żjara ħalliet impatt qawwi fuq il-Kardinal Tagle li “esprima s-sogħba kbira tiegħu għal tant tbatija” li għadda minnu dan il-poplu.

Il-Patrijarka Younan qal li “barra l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa u l-għajnuna urġenti biex jinbnew id-djar u l-belt kollha, l-aktar ħaġa li għandhom bżonn dawn in-nies hi t-tama u d-dinjità”.

Matul din iż-żjara l-Kardinal Tagle kien akkumpanjat ukoll mill-Kardinal Mario Zenari, li hu n-Nunzju Apostoliku tas-Sirja, il-Patrijarka Melikta, Joseph Absi u l-Isqfijiet Kattoliċi tas-Sirja.

Il-belt ta’ Ghouta kienet l-aħħar belt li rritornat f’idejn il-Gvern Sirjan f’April li għadda wara żmien twil maħkuma mill-ISIS.  Waqt il-ġlied, 400,000 persuna kienu taħt assedju kontinwu u esperjenzaw ukoll anke l-użu ta’ armi kimiċi.

Aħbarijiet foloz

“Hu tal-mistħija li l-hekk imsejħa dinja ħielsa kienet kompliċi f’dan id-diżastru biex tissodisfa r-rgħiba u l-opportuniżmu tal-politiċi tagħha. L-aħbarijiet foloz tal-media ta’ dawn il-pajjiżi tpaxxiet tattribwixxi dawn l-attakki kimiċi lis-suldati Sirjani meta kienet taf li dan kien kollu gideb u b’hekk għenet biex jissokta l-ġlied” qal il-Patrijarka Younan.

Illum ftit anqas minn kwart tal-popolazzjoni tista’ tirritorna lejn djarha bla tfixkil u rnexxielha ssib fejn toqgħod minkejja t-tifrik li hemm u l-kesħa tax-xitwa.

“Iż-żgħażagħ li ltqajna magħhom tul din iż-żjara għalkemm konfużi u mgerrxa, qed iħarsu ‘l quddiem biex jibdew ħajjithom mill-ġdid”, qal il-Patrijarka li flimkien mal-Kardinal Tagle u l-Patrijarka Absi, ħawwlu tliet siġriet taż-żebbuġ bħala simbolu ta’ ħajja ġdida filwaqt li assiguraw lin-nies ta’ Ghouta mit-talb u s-solidarjetà tagħhom.