Feel the Magic huwa proġett ġdid li jirrappreżenta viżjoni b’saħħitha ta’ tliet snin li tfittex li tqiegħed l-arti u l-kreattività fil-qalba tal-futur ta’ Għawdex.

Il-proġett jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ serje ta’ kunċerti ta’ profil għoli f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali  u internazzjonali u jimmira li jiżviluppa programm ta’ avvenimenti annwali kkoordinati.

Dan il-proġett qed jiġi organizzat u ko-ordinat mill-Chorus Urbanus Productions bl-appoġġ tal-Fond għall-Programm ta’ Appoġġ Kulturali għal Għawdex (Gozo Cultural Support Programme). Il-proġett  huwa mifrux fuq erba’ kunċerti maġġuri kull sena (wieħed għal kull staġun) u kunċert grandjuz orkestrali li fih jiehdu sehem diversi solisti, kor, kor tat-tfal,  u zfin koreografat. Dan il-kunċert orkestrali ser isir fil-beraħ fix-xhur tas-sajf fil-Foss tac-Cittadella.

L-idea wara dan il-proġett hi li tiġi ppreżentata sekwenza eklettika ta’ sforzi artistiċi li juru l-unità fid-diversità li l-ferghat diversi tal-arti jistgħu joffru. Permezz tad-diversi kunċerti li se jiġu offruti l-udjenza lokali jkollha l-opportunita’ li tesplora u tapprezza id-diversi ġeneri ta’ mużika fil-forom differenti tagħha: għalhekk l-isem Feel the Magic!

Il-programm imfassal għall-2019 jinkludi Feel the Magic of Brass li se jinżamm f’waħda mil-lukandi ewlenin f’Għawdex, Feel the Magic of Piazzolla bis-sehem tas-Sicilia Ensemble fi Pjazza Indipendenza, Victoria, Feel the Magic of Classics fis-Sala tal-Wirjiet (Ministeru għal Għawdex) bis-sehem tal-Camerata Galatea, Feel the Magic of Musical Theatre fil-Foss tac-Cittadella, Victoria u jagħlaq bil-kunċert annwali tal-Milied mill-Chorus Urbanus, Feel the Magic of Christmas fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

Il-Chorus Urbanus Productions, fi ħdan il-kor rinomat Għawdxi Chorus Urbanus, hija organizzazzjoni non-governattiva li hija protagonista fix-xenarju kulturali nazzjonali. L-ghan principali huwa li tingħata prijorità assoluta lill-promozzjoni ta’ talent lokali ta’ l-ogħla livell biex jaqsam l-palk ma’ artisti barranin ta’ kalibru eccellenti. Huwa l-għan tal-Chorus Urbanus li jigi mssaħħaħ l-istatus internazzjonali tal-Proġett billi artisti lokali stabbiliti u ohrajn internazzjonali jiġu mistiedna jwettqu repertorju varjat li jipprometti li jkun eċċitanti fl-esplorazzjoni tiegħu tal-maġija tal-arti performattiva.

Apparti numru ta’ masterclasses li jkunu relatati mal-ġeneru ta’ mużika li tkun qed tiġi ppreżentata, il-proġett jaħseb għall-programm edukattiv li jiffoka fuq il-mużiċisti lokali u korijiet ohra.

Aktar informazzjoni u aħbarijiet dwar dan il-proġett jistgħu jinġiebu mill-websajt ġdida li se tkun qed tiġi aġġornata b’aħbarijiet u informazzjoni dwar il-kunċerti u l-artisti li se jieħdu sehem f’dan il-proġett. Wieħed jista’ jżur ukoll il-Facebook page tal-proġett.

L-ewwel kunċert imtella’ f’din is-serje hu Feel the Magic of Brass bil-parteċipazzjoni ta’ BrassTubes taħt id-drezzjoni ta’ Mro. Mark Gauci. Dan il-kunċert se jinżamm fil-Lukanda Kempinski San Lawrenz nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu 2019 fit-8.00pm. Id-dħul għal dan il-kunċert ikun bla ħlas.