Il-mara li ngidmet minn ġagwar f’żu fl-Amerka meta telgħet ma’ grada biex tieħu stessu mal-annimal, ammettiet li żbaljat. L-Amerikana li għandha fuq 30 sena qalet li issa ħaditha l-lezzjoni, iżda xorta waħda taħseb li ż-żu għandu jtejjeb is-sigurtà tiegħu billi jressaq il-grada iżjed lura.

Dan ġara s-Sibt li għadda f’Wildlife World Zoo qrib Phoenix f’Arizona. Il-mara ntlemħet tokrob mal-art bid-demm ħiereġ gelgul minn idha wara li l-ġagwar qabeż għal fuqha.

AQRA: Għoddha tilfet idha minħabba stessu

Hija spjegat li l-ġagwar iswed kien mal-grada huma u għaddejjin u din ratha bħala opportunità perfetta għal ftit ritratti. Hi u titkellem ma’ CBS News, il-mara qalet li kulħadd hu uman u jiżbalja.

Il-ġrieħi tagħha ma kinux gravi u hija tħalliet titlaq mill-isptar fl-istess jum, iżda l-mara qalet li tħossha fortunata li rnexxielha ssalva minn din l-esperjenza.

L-istess ġagwar attakka lil persuna oħra s-sena li għaddiet, iżda ż-żu assigura lill-pubbliku li mhumiex jikkunsidraw li jraqqdu lill-ġagwar. Huma sostnew li s-sigurtà taż-żu hija f’postha.