Il-Bank of Valletta ser joffri ħinijiet tal-ftuħ itwal f’16-il fergħa. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li l-BOV jakkomoda l-eżiġenzi tal-klijenti tiegħu u jagħmilha aktar faċli għalihom li jinqdew mis-servizzi bankarji li jkunu jeħtieġu.

Il-fergħat li qed joffru sigħat tal-ftuħ itwal huma dawk ta’: Ħ’Attard, Balluta, Fgura, Ħamrun, Tal-Ibraġ, Mosta, Naxxar, Paola, Ħal Qormi, Rabat (Malta), Il-Belt Valletta (Republic Street), San Ġwann, Siġġiewi, Żejtun, Żurrieq, Victoria (Rabat) Għawdex.

Il-ħinijiet tal-ftuħ il-ġodda għall-klijenti tagħna se jkunu mit-3.30 pm sas-6.00 pm kull nhar ta’ Ħamis. Matul dawn is-sigħat, il-klijenti jistgħu jiftħu kontijiet ġodda, jiddiskutu l-għażliet ta’ investiment, japplikaw għall-prodotti tal-BOV bħal self għad-djar, self personali, karti tad-debitu u tal-kreditu u s-servizzi tal-Internet Banking, jew jitolbu informazzjoni dwarhom.

Geoffrey Ghigo, Kap tar-Retail Network fil-Bank of Valletta qal, ‘Il-fatt li l-bibien tagħna se jkunu miftuħa għal aktar sigħat jirrifletti l-impenn tagħna li kontinwament intejbu l-esperjenza tal-klijenti billi niżguraw li nisimgħu u naġixxu skont il-bżonnijiet tagħhom. Aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex inkunu qrib il-klijenti tagħna billi nipprovdu soluzzjonijiet finanzjarji mfassla apposta bl-aktar mod konvenjenti u aċċessibbli.’