Studju kwalitattiv ġdid juri li wieħed mill-fatturi li l-aktar li jwasslu lil żgħażagħ biex jieqfu jistudjaw huwa d-divorzju tal-ġenituri. L-istudju jindika li l-esperjenza tal-istudenti fid-dar tagħmel impatt kbir fuq id-deċiżjoni tagħhom biex jitilqu mill-iskola mingħajr il-kwalifiki neċessarji.

Dan l-istudju sar mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għajxien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Kien immexxi minn Prof. Milosh Raykov, u r-riżultati tiegħu għandhom jitħabbru uffiċjalment fil-15 ta’ Marzu.

L-istudju jindirizza l-kwistjoni ta’ żgħażagħ li jieqfu jistudjaw jew jaħdmu minn kmieni (ELET), partikolarment studenti ta’ bejn 18 u 24 sena li jitilqu mill-iskola obbligatorja mingħajr ma jgħaddu mill-ħames suġġetti meħtieġa fl-O’Levels u li mbagħad, ma jirreġistraw għall-ebda programm edukattiv jew ta’ taħriġ.

Studju maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fit-18 t’Ottubru tal-2018 wera li r-rata ta’ studenti li jieqfu jistudjaw f’Malta kienet waqgħet għal 17.7% fl-2017 mill-perċentwal ta’ 20.3% fl-2014. It-tir għall-2020 huwa ta’ 10% biss.