Il-Vatikan - Is-sede ewlenija tal-Knisja Kattolika Rumana

L-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Vatikan għadu kif ippubblika l-Pontifical Yearbook tal-2019 u l-Istatistika Ekklesjastik aAnnwali għas-sena 2017.  Minn dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet wieiħed jista’ jara l-preżenza tal-Knisja Kattolika fid-Dinja kif kienet fil-bidu tas-sena 2018.

Minn popolazzjoni dinjija ta’ 7,408 miljun persuna, 1,313 miljun jew 17.7% huma Kattoliċi mgħammda mifruxa mal-ħames kontinenti. 48.5% jinsabu fl-Amerika, 21.8% fl-Ewropa, 17.8% fl-Afrika, 11.1% fl-Asja u 0.8% fl-Oceania.

Il-Kattoliċi żdiedu fil-kontinenti kollha

Meta mqabbla mas-snin 2017 u 2016, kien hemm żjieda fin-numru ta’ Kattoliċi fil-kontinenti kollha. Filwaqt li l-popolazzjoni tad-dinja żdiedet b’1.1%, il-Kattoliċi fl-Afrika u l-Asja żdiedu b’ 2.5% u 1.5% rispettivament;  fl-Ewropa żdiedu biss b’0.1% filwaqt li fl-Amerika ż-żjieda kienet ta’ 0.96%.

Il-preżenza tal-Kattoliċi hi differenti fid-diversi żoni ġeografiċi. Mill-popolazzjoni tal-kontinent Amerikan, 63.8% huma Kattoliċi, fl-Ewropa hemm 39.7%, fl-Afrika 19.2% u 3.3% tal-popolazzjoni fl-Asja huma wkoll Kattoliċi.

Importanti wieħed jinnota li fl-Istati Uniti tal-Amerika il-perċentaġġ ta’ Kattoliċi hu ta’ 24.7%; fl-Amerika Ċentrali hemm 84.6% filwaqt li fl-Amerika t’Isfel 86.6 tal-popolazzjoni huma Kattoliċi.

Sa tmien l-2017, madwar id-dinja kien hawn 4.7 miljun unità ta’ appostolat li hi żjieda ta’0.5% fuq is-sena ta’ qabel.

Fid-dinja, ir-rata perċentwali ta’ qassisin u l-ħaddiema pastorali hu ta’ 10.4%.

414,582 qassis

Jekk wieħed iqabbel l-2016 mal-2017, in-numru ta’ qassisin naqas minn 414,969 għal 414,582.  Din hi l-ewwel darba li kien reġistrat tnaqqis fin-numru ta’ saċerdoti mill-2012 ‘l hawn. Min-naħa l-oħra in-numru ta’ Isqfijiet, Djakni, missjunarji lajċi u katekisti, żdied.

In-numru ta’ dawk li qed iħejju għas-saċerdozju madwar id-dinja naqas minn 116,160 fl-2016 għal 115,328 fl-2017.  Fl-Afrika u l-Asja l-vokazzjonijiet huma sodisfaċenti filwaqt li fl-Ewropa u l-Amerika, in-nuuqas hu aktar evidenti.

Fl-aħħar sentejn, in-numru ta’ seminarji madwar id-dinja baqa’ wieħed stabbli. Fl-2017 fl-Ewropa kien hawn 14.9% tas-seminarji tad-dinja; fl-Amerika kien hemm 27.5%, fl-Asja 29.8% u fl-Afrika 27.1%.