Il-Papa ma uħud mis-saċerdoti li jaħdmu fid-djoċesijiet ta' Ruma, fil-bidu tar-Randan

Għal darb’oħra, il-Papa Franġisku rrikonoxxa li l-abbużi sesswali mill-qassisin “iġibu wġigħ u sofferenza insapportabbli” u qal li l-Knisja għaddejja minn purgatorju hekk kif aktar qassisin qed jinbelgħu minn dan l-iskandlu.

Il-ġimgħa li għaddiet, kif inhi l-użanza fil-bidu tar-Randan il-Papa kellu laqgħa mal-kleru ta’ Ruma u tkellem dwar il-maħfra u sostna li dan hu proċess meħtieġ biex il-Knisja titnaddaf u tiġġedded.

Xogħol ix-xitan

Papa Franġisku reġa’ sostna l-fehma tiegħu li dan l-iskandlu hu xogħol ix-xitan.

Skont il-Catholic News Service rappurtat minn “La Croix”, il-Papa qal lis-saċerdoti Rumani: “Id-dnub jisfigurana. Hi umiljazzjoni meta aħna jew xi ħadd minn ħutna isqfijiet jew qassisin jaqa’ fl-abbissi tal-vizzju, korruzzjoni jew agħar minn hekk, iwettaq delitt li jkisser il-ħajja tal-oħrajn.”

“L-indiema hi l-bidu tal-qdusija tagħna. Taqtgħux qalbkom. Il-Mulej qed jippurifika lill-għarusa tiegħu – il-Knisja – u qed jikkonvertina lkoll lejh. Qed jgħaddina minn prova biex nifhmu li mingħajru, aħna trab, m’aħna xejn,” kompla l-Papa.

Mumenti diffiċli

Matul din il-laqgħa mal-kleru, il-Papa qarar ukoll lil uħud minnhom u tkellem dwar l-eżodu meta Alla mexxa lill-poplu tiegħu lejn l-Art Imwiegħda.

Il-Papa Franġisku qal li l-istruzzjonijiet li ta Alla kienu jinkludu tagħlim kif il-poplu tiegħu jkun umli u li kien hemm bżonn jesperjenzaw “mumenti diffiċli ta’ deżolazzjoni” biex jifhmu u jibżgħu mill-vizzji.

“Ejja nafdaw fil-gwida paċenzjuża ta’ Alla, li jagħmel l-affarijiet meta jrid Hu, jiftħilna qalbna u jpoġġihom għas-servizz tal-Kelma Tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni.”

Qabel temm din il-laqgħa, il-Papa wissa lill-qassisin biex ilestu ruħhom għal perjodu fejn jistgħu jkunu mwarrba u miċħuda għax in-nies ma jifhmuhomx.