Frar ħalliena u l-Karnival parpar ukoll.  Il-Karnival organizzat fl-enclosure ta’ Pjazza Indipendenza Victoria mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien wieħed tajjeb u fil-fehma tiegħi ta’ livell.

L-enclosure kien ippakjat bin-nies kull meta t-temp ippermetta. Mhux biss imma Għawdex ikun diġa far bil-Maltin li jaqsmu l-Fliegu biex jiġu jgawdu magħna l-Karnival meta mhux ukoll ixiddu xi kostum u joqogħdu jiġġerrew mat-toroq tagħna!  Is-sehem tal-iskejjel kien importanti u rridu naraw li ninkoraġġixxu lit-tfal u ninvestu fihom jekk irridu nassikuraw il-futur tal-Karnival.

Veru li fil-Karnival tagħna naqset il-komiċita’ u sirt iktar tara spettaklu ta’ lwien u żfin raffinat u sinkronizzat mal-mużika u karrijiet sbieħ movimentati u kuluri jgħajtu u jixegħlu kif ukoll kostumi fini u li jiswew il-flus u ħafna sabar u paċenzja biex tħithom. Iżda ngħid għalija  qed nara li naqset il-komiċita fl-enclosure fiż-żmien il-Karnival ta’ Gużeppi Balluċċi, Baskal ta’ Kunċetta, Fredu l-leverist u l-Muskettieri Għawdxin! It-temp huwa dejjem fattur importanti f’dawn il-festi tradizzjonali u popolari u   allura mportanti naraw li l-Istat jipprovdi spazju adegwat fejn jistgħu jinħadmu l-karrijiet u jistkennu minn xi ħalba xita jew mir-riħ qawwi.

Importanti wkoll is-sehem li qed jagħtu l-Kunsilli Lokali tagħna li jorganizzaw il-Karnival fl-irħula rispettivi tagħhom. Iżda hemm bżonn li kull Kunsill jagħraf iżomm il-kontroll u ma jħalli lil ħadd jabbuża jew jaqbeż il-limitu. Sabiħ il-Karnival spontanju, mela le, iżda għal kollox hemm il-limitu u  d-deċenza.

Qrajna wkoll dwar l-eluf kbar li qasmu l-Fliegu biex igawdu l-Karnival f’Għawdex, b’mod speċjali dak spontanju li jsir fin-Nadur.  Iżda din m’għandhiex tkun okkażjoni biex jitbaxxa l-livell tal-Karnival tagħna. Għal kuntrarju din għandha tkun okkażjoni sabiħa fejn niltaqgħu u niddevertu flimkien ta’ nies edukati u maturi u mhux ninħbew taħt il-maskra biex nagħmlu li rridu. Okkażjoni tajba wkoll biex jiġġenera iktar kummerċ f’dan iż-żmien kwiet tas-sena. Jien ma qgħadtx lura u għalkemm ma sejħulix biex nippreżenta l-Karnival Ċentrali kif għamilt fis-snin l-imgħoddija, xorta ħadt gost niddeverti u ppreżentajt il-Karnival kemm fl-Għarb kif ukoll fiż-Żebbuġ u f’Ta’Sannat barra li skejjel u kumpaniji qabbduni nqabblilhom xi żewġ strofi biex jinqraw qabel tibda ż-żifna tagħhom!

Intant issa dħalna fi żmien qaddis u għażiż tar-Randan. Jalla dawk li ħarġu xi ftit ‘l barra mit-triq, issa jindunaw u jpattu għal għemilhom. Issa huwa ż-żmien li wieħed jidħol waħda fih innifsu u jgħarbel u jiżen l-imgħoddi tiegħu. Matul dawn l-erbgħin jum hemm ħafna x’wieħed jagħmel jekk tassew iħaddan il-valuri nsara tagħna.  Dan hu ż-żmien tas-sagrifiċċju.  L-Imgħallem divin tana l-eżempju u qatta’ erbgħin jum fid-deżert fit-talb u l-penitenza.

Dari niesna kienu jsumu r-Randan sħiħ u bosta drabi fuq ħobż u ilma.  Illum aħna obbligati biss nsumu f’Ras ir-Randan u fil-Jum għażiż tal-Gimgħa l-Kbira, iżda żgur li dan biss m’għandux jikkuntentana.  Hemm ħafna modi kif wieħed jista’ jagħmel xi ftit tas-sagrifiċċju.  Kull parroċċa tieħu ħsieb tipprovdi predikaturi tajbin biex jagħtu xi kors ta’ Eżerċizzi Spiritwali lill-kategoriji kollha u ħadd m’għandu jitlef ċans bħal dan li jagħmel eżami tal-kuxjenza darba fis-sena.

Drawwa sabiħa hija dik li tara ħafna nies jinvistaw l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra kif ukoll jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Gimgħa l-Kbira; f’din tal-aħħar ħafna jagħżlu li jkaxkru l-ktajjen jew jerfgħu minn xi statwa.  Oħrajn jagħzlu li jnaqqsu mit-tipjip, mix-xorb u minn xi divertiment ieħor.  Jiena hawnhekk inżid li sewwa kieku dak li niffrankaw nagħtuh karita’. Nista nibqa’ sejjer b’din il-kantaliena.  F’kelma waħda min ma jridx ma jidħolx għal xi tip ta’ sagrifiċċju f’dan iż-żmien tas-sena.  Irridu naħfru lil min naqasna u nagħmlu sforz biex inġibu lura l-għaqda u l-armonija.  “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju”!  “Ċarrtu qlubkom u mhux ilbieskom”!

Matul Marzu tiġi wkoll il-festa għażiża tal-Patrijarka San Ġużepp meqjum b’mod speċjali fil-parroċċa tal-Qala fejn  insibu Arċipriet ħabrieki, Dun Nazju Borġ, imwieled ix-Xagħra u għal żmien twil Kappillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz. Ċert li ħidma sfieqa tiergħ qed tħalil-frott fost il-Qalin.  Ftit jiem biss wara d-19 ta’  Marzu, titfaċċa mill-ewwel il-festa għażiża tal-Lunzjata u f’Għawdex għandna kappella ferm sabiħa u qadima li nsibuha ssaltan f’nofs ta’ wied dejjem iħaddar fejn in-Natura donnha tilfet għaqalha kollu u żejnitu bi sbuħija liema bħalha.

Intant inkomplu fejn ħallejna;  jekk nimxu fuq il-passi tal-Imsallab, naħfru u nestendu l-id tal-ħbiberija, ninsew l-imgħoddi u npattu bil-ġid għad-deni li rċevejna, jekk nagħmlu hekk żgur li ż-żmien tar-Randan ma jkunx ġie u mar għalxejn.  Imbagħad bir-raġun ikollna għalfejn nifirħu fi żmien il-Għid li dis-sena ser jaħbat fl-21 ta’ April (ftit jiem wara, San Gorġ u l-ewwel passa tal-gamiem, jekk fadal gamiem!) u niġru bl-Irxoxt u nduqu l-figolli ta’ kull sura bil-bajda taċ-ċikkulata!

Kav Joe M Attard

Rabat – Għawdex