REUTERS/Ueslei Marcelino

Żewġ eks-studenti daħlu fi skola Brażiljana u sparaw fuq studenti oħrajn ilbieraħ fejn saħansitra qatlu ħames żgħażagħ kif ukoll żewġ uffiċjali tal-iskola, qabel ma qatlu lilhom infushom. Skont Reuters, il-Pulizija qed jiddeskrivu dan il-każ bħala wieħed ispirat mill-massakru ta’ Columbine fl-Istati Uniti li seħħ lura fl-1999.

Qanel ma daħlu fl-iskola Raul Brasil ġewwa Suzano, l-eks studenti ta’ 17 u 25 sena qatlu liz-ziju taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li huwa sid ta’ aġenzija tal-kiri tal-karozzi, imbagħad serqulu karozza.

Skont il-Pulizija, it-total ta’ persuni li mietu kawża tal-attakk kienu 10, bl-istudenti jkunu fil-maġġoranza subien ta’ 15 u 16-il sena. Il-Pulizija identifikaw l-attakkanti bħala Guilherme Taucci Monteiro ta’ 17-il sena u Luiz Henrique de Castro ta’ 25 sena. Skont l-investigazzjonijiet, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kien dak li orkestra dan l-attakk.

Intant, 10 persuni oħra, bil-maġġoranza huma tfal tal-iskola, jinsabu midruba u ħafna minnhom f’kundizzjoni kritika.