Venezuela for a whole week in the dark (Photo YURI CORTEZ/AFP/Getty Images)

Il-Venezuela ilha mingħajr provvista tal-elettriku min-nhar il-Ħamis li għadda minħabba kriżi fis-settur tal-enerġija li skont il-President Nicolas Maduro qed jallega li kienet kaġunata minn attakki elettromanjetiċi u ċibernetiċi, orkestrati mill-Istati Uniti.

Minħabba dan il-qtugħ ta’ daw is-sitwazzjoni fil-pajjiż saret aktar serja għall-poplu u b’mod partikolari għal dawk li bħalissa jinsabu fl-isptarijiet.

Mietu 21 pazjent

Skont il-partit tal-Oppożizzjoni mhux anqas minn 21 pazjent fl-isptarijiet ta’ Caracas biss, mietu minħabba nuqqas ta’ enerġija elettrika.  Barra minn dan, pazjenti morda bil-kliewi li għandhom bżonn is-servizz ta’ dialysis, ma setgħux jingħataw dan it-trattament hekk bżonnjuż.

Skont l-Arċisqof Ulises Gutierrez ta’ Bolivar, in-numru ta’ dawk mejta jista’ jitla’ sa 200 persuna.

F’messaġġ fuq Twitter, l-Arċisqof Gutierrez qal li l-qtugħ tad-dawl fuq skala nazzjonali hu “prova żgħira ta’ dak li kapaċi jagħmlu n-nies inkompetenti tar-reġim”.

L-Arċisqof xandar ukoll ritratt wara li ċċelebra quddiesa għall-impjegati fil-qasam mediku u qal li “ma kien hemm xejn x’niċċelebraw għax fil-Venezuela is-servizz mediku kkollassa. It-tobba tagħna qed jiġġieldu għal Venezuela ġdida”.

Isqof ma tħalliex jidħol fi sptar

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” irrappurtat ukoll li l-Isqof Awżiljarju ta’ Caracas, Mons Tulio Ramirez mar biex jipprova jidħol fi sptar flimkien ma’ xi tobba li attendew għall-quddiesa tal-Arċisqof imma ma tħallewx jidħlu mill-forzi tas-sigurtà li kienu qed jgħassu l-isptar.

Kien hemm ukoll rapporti li tfal rikoverati fi sptar bdew jgħajjtu mit-twieqi u jitolbu biex jingħataw ikel u biex il-ġenituri tagħhom jitħalew imorru j#uruhom.

Nhar it-Tnejn li għadda kienu arrestati numru ta’ persuni li ppruvaw jidħlu fi ħwienet tal-merċa ifittxu l-ikel u prodotti ta’ iġjene personali.  Bħalissa ħafna ħwienet għandhom skarsezza ta’ dawn il-prodotti u kellhom jagħlqu minħabba li ma hemmx provvista tal-elettriku.